10.4.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/47
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2017 – JPMorgan Chase et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-106/17)
(2017/C 112/66)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: JPMorgan Chase & Co. (New York, New York, l-Istati Uniti), JPMorgan Chase Bank, National Association (Columbus, Ohio, l-Istati Uniti), J.P. Morgan Services LLP (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: D. Rose, QC, J. Boyd, M. Lester, D. Piccinin u D. Heaton, Barristers, u B. Tormey, N. French, N. Frey u D. Das, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2016) 8530 finali, fil-Każ AT.39914 – Euro Interest Rate Derivatives (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), tas-7 ta’ Diċembru 2016, sa fejn din tapplika għar-rikorrenti;
—
sussidjarjament, tnaqqas il-penali imposta fuq ir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni naqset milli turi li l-aġir tar-rikorrenti kellu l-għan li jimmanipula lil termini EURIBOR jew lill-EONIA (rati ta’ interess skont il-parametru referenzjarju); l-evidenza turi li r-rikorrenti ma kellhom ebda għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 101”).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li, barra minn hekk jew sussidjarjament, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-għan tal-allegata manipulazzjoni ta’ termini EURIBOR u tal-EONIA huwa għan ta’ prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata ma ssibx, u issa l-Kummissjoni ma tistax targumenta jew tistabbilixxi, għanijiet antikompetittivi oħra kontra r-rikorrenti minbarra l-manipulazzjoni ta’ termini EURIBOR jew tal-EONIA.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li, sussidjarjament, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari, l-aġir li l-Kummissjoni qieset li jikser l-Artikolu 101 ma kellux għan waħdieni; alternattivament ir-rikorrenti ma kinux konxji dwar l-aġir ta’ ksur tal-partijiet l-oħra u ma setgħux raġonevolment jippreveduh; u alternattivament ir-rikorrenti ma kellhomx l-intenzjoni li permezz tal-aġir tagħhom jikkontribwixxu għal pjan komuni b’għan antikompetittiv.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod kuntrarju għall-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-amministrazzjoni tajba, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, u dan peress li ddeċidiet il-każ kontrihom b’mod prematur bil-mod ta’ kif applikat il-proċess tas-soluzzjoni tat-tilwim “ibridu”, u peress li kien hemm espressjonijiet ta’ deċiżjoni prematura mill-Kummissarju Alumnia.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq li, barra minn hekk jew sussidjarjament, il-Kummissjoni wettqet żball fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, u dan b’diversi modi, u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tnaqqasha. Il-Kummissjoni (a) messha applikat mitigazzjoni ikbar u gravità inqas u aġġustamenti tal-“ħlas għad-dħul” (“entry fee” adjustments) sabiex jirriflettu r-rwol periferali u differenti tar-rikorrenti kif deċiż mill-Kummissjoni; (b) naqset milli tapplika l-istess metodu għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ ta’ kull parti, bir-riżultat li r-rikorrenti ġew ittrattati b’mod inqas favorevoli, u dan mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva; (ċ) messha applikat tnaqqis ikbar fir-rigward tal-figuri li jirriżultaw mill-irċevuti tal-flus tar-rikorrenti sabiex jirrifletti s-saħħa ekonomika relattiva tagħhom; u (d) ma messhiex inkludiet il-bejgħ EONIA fil-valur tagħha tal-kalkoli tal-bejgħ.
Full & Egal Universal Law Academy