18.4.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 121/45
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2017 – Institute for Direct Democracy in Europe vs Il-Parlament
(Kawża T-118/17)
(2017/C 121/65)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Institute for Direct Democracy in Europe (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: E. Plasschaert u E. Montens, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016, sa fejn (i) tissospendi l-ħlas tas-sussidju tal-2017, inkluż il-ħlas tal-prefinanzjament, (ii) tillimita l-ammont tal-prefinanzjament għas-sussidju tal-2017 għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju u (iii) tissuġġetta l-ħlas tal-ammont tal-prefinanzjament għall-kostituzzjoni ta’ garanzija mal-ewwel talba, u, konsegwentement, l-Artikolu I.4.1 tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ sussidju FINS-2017-28 mehmuża ma’ din id-deċiżjoni;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.
a) F’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li jiġi sospiż il-ħlas tas-sussidju tal-2017 favur IDDE, inkluż l-ammont tal-prefinanzjament
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ IDDE. B’mod partikolari, id-deċiżjoni ma ġietx adottata minn awtorità ekwa u imparzjali u IDDE ma nstemgħetx b’mod xieraq u lanqas ma ngħatat possibbiltà effettiva li tikkummenta u tikkonstesta l-akkużi mressqa fil-konfront tagħha.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 208(1) tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 8(a) tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew u l-Artikolu II.13.2 tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ sussidju. B’mod partikolari, il-ħlas tas-sussidju tal-2017 ma jistax jiġi sospiż abbażi ta’ allegazzjonijiet mhux ivverifikati li ma humiex marbuta mal-imsemmija deċiżjoni u li jirrigwardaw biss id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ sussidju tal-2015. Barra minn hekk, il-ħlas tas-sussidju tal-2017 jista’ jiġi sospiż biss għall-finijiet ta’ verifiki li, f’dan il-każ, diġà twettqu u ngħalqu mingħajr ma ġie kkonfermat definittivament ebda suspett allegat jew allegazzjoni. Konsegwentement, is-sospensjoni għandha titneħħa. Fl-aħħar nett, is-suspetti u preżunzjonijiet allegati ma huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ebda sospensjoni tal-ħlas.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, il-portata tal-miżura adottata, jiġifieri s-sospensjoni tal-ħlas tas-sussidju tal-2017, inkluż tal-prefinanzjament tiegħu, hija totalment sproporzjonata meta mqabbla mas-suspetti u mal-irregolaritajiet allegati, anki jekk dawn jiġu kkonfermati.
b) F’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li l-prefinanzjament jiġi limitat għal 33 % tal-ammont massimu tas-sussidju u li l-ħlas tal-ammont tal-prefinanzjament jiġi ssuġġettat għall-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja mal-ewwel talba
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ IDDE.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, l-Artikolu 134 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 206 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. IDDE kienet il-vittma ta’ diskriminazzjoni kontriha, meta mqabbla ma’ fondazzjonijiet u partiti oħra li huma f’sitwazzjonijiet oġġettivament simili.
Full & Egal Universal Law Academy