15.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 151/37
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2017 – Enosi Syntaxiouchon Tameiou Asfaliseon Michanikon kai Ergolipton Dimosion Ergon vs BĊE
(Kawża T-124/17)
(2017/C 151/48)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Enosi Syntaxiouchon Tameiou Asfaliseon Michanikon kai Ergolipton Dimosion Ergon (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: P. I. Miliarakis, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
—
tilqa’ dan ir-rikors;
—
tikkundanna lill-konvenut Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iħallas, f’isem is-settur TSMEDE (fergħa professjonali tal-inġiniera u tal-kuntratturi pubbliċi), lill-organu assikuratur attwali EFKA (organu uniku tas-sigurtà soċjali): a) is-somma ta’ EUR 1 606 539 086,28, bil-valur nominali, fir-rigward tal-kapital azzjonarju tal-ex ETAA (fond uniku tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom) u b) is-somma ta’ EUR 84 285 086,36 fir-rigward tal-bonds, bl-interessi legali mill-preżentata ta’ dan ir-rikors sa meta jsir il-ħlas (subordinatament, tikkundanna lill-BĊE iħallas bħala kumpens kwalunkwe somma li tiġi stabbilita mill-perizja mitluba);
—
tordna, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ssir perizja sabiex jiġi ddeterminat l-ammont eżatt tad-dannu mġarrab mill-membri tar-rikorrenti u, fi kwalunkwe każ, mis-settur TSMEDE tal-ex ETAA, li sar l-EFKA;
—
tordna lill-konvenut jipproduċi l-ftehim tal-15 ta’ Frar 2012 konkluż mar-Repubblika Ellenika; u
—
tikkundanna lill-konvenut BĊE għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti:
1.
Permezz ta’ dan ir-rikors qiegħda tiġi sostnuta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE peress li, fi ħdan l-organu tas-sigurtà soċjali, jiġifieri istituzzjoni baġitarja, ma seħħx Private Sector Involvement (PSI), iżda Official Sector Involvement (OSI).
2.
Permezz ta’ dan ir-rikors qiegħda tiġi enfasizzata r-rabta tal-Bank tal-Greċja, bħala membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-BĊE u, konsegwentement, ir-rabta kawżali li tirrigwarda l-ġestjoni tal-OSI min-naħa tal-Bank tal-Greċja u r-responsabbiltà, minħabba ommissjoni, tal-BĊE peress li ppermetta li l-implementazzjoni tal-OSI ssir minn membru tas-SEBĊ. Barra minn hekk, permezz ta’ dan ir-rikors qiegħda tiġi invokata r-responsabbiltà tal-BĊE għall-funzjonament tal-Collective Action Clauses (CACs) għad-detriment tal-organi tas-sigurtà soċjali.
3.
Permezz ta’ dan ir-rikors qiegħda tiġi sostnuta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE sa fejn, minħabba ommissjoni, huwa ma annullax fil-ħin u, fi kwalunkwe każ, mill-21 ta’ Lulju 2011 (subordinatament, mis-26 ta’ Ottubru 2011) id-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2010 (BĊE 2010/3-2010/268/UE), li permezz tagħha barra minn hekk kien iggarantixxa, b’mod partikolari, “irrispettivament minn kwalunkwe evalwazzjoni esterna tal-kwalità tal-kreditu” (b’riferiment għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Standard & Poor’s, Fitch u Moody’s), il-validità tal-bonds Griegi. B’dewmien drastiku, jiġifieri fis-27 ta’ Frar 2012, il-BĊE annulla d-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2010 bid-Deċiżjoni (BĊE) 2012/113/UE. Għaldaqstant, għal żmien twil, huwa saħħaħ, bis-saħħa tal-ommissjoni tiegħu, l-aspettattivi leġittimi fil-bonds Griegi.
4.
Permezz ta’ dan ir-rikors qiegħed jiġi enfasizzat il-fatt li, permezz tal-OSI, il-BĊE ġie eskluż mir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, bl-istess mod kif, bl-intervent tiegħu, ġew esklużi wkoll il-banek ċentrali nazzjonali. Madankollu, tali esklużjoni tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
5.
Permezz ta’ dan ir-rikors qiegħed jiġi sostnut li Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, taż-żona tal-euro ma jistax iwettaq unilateralment permezz tal-ordinament ġuridiku intern (Parlament – Kunsill tal-Ministri – Deċiżjonijiet ministerjali) ir-ristrutturazzjoni unilaterali tad-dejn pubbliku, mingħajr l-approvazzjoni tal-BĊE jew il-kunsens taċitu tiegħu, għaliex altrimenti jkun hemm kaos finanzjarju. F’dan il-każ, jeżisti kunsens taċitu tal-BĊE u għaldaqstant hija stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu fir-rigward ta’ 53,3 % tad-dannu, jiġifieri livell jippreġudika l-qalba tad-dritt għall-proprjetà. Qegħdin jiġu enfasizzati r-rabta kawżali bejn ir-responsabbiltà, minħabba ommissjoni, tal-BĊE għad-danni inkwistjoni, l-aġir skorrett tal-korpi tiegħu u r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy