18.4.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 121/48
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2017 – Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-130/17)
(2017/C 121/69)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentant: M. Jeżewski, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2016)6950, tat-28 ta’ Ottubru 2016, li temenda l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għall-pipeline tal-gass OPAL;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka 16-il motiv.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali u fuq evalwazzjoni żbaljata tal-att promotur tal-proċedura relatata mal-emenda tal-eżenzjoni preċedenti tal-pipeline tal-gass OPAL mill-obbligu li jiġu applikati ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, mogħtija fl-2009 permezz ta’ deċiżjoni tal-Bundesnetzagentur (aġenzija federali tan-netwerks Ġermaniża).
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza għall-għoti ta’ deċiżjoni li temenda l-eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL mill-obbligu li jiġu applikati ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà għall-eżenzjoni tal-infrastruttura tal-gass prevista fl-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 2009/73/KE.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-eżenzjoni tal-infrastruttura tal-gass prevista fl-Artikolu 36(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 2(33) tad-Direttiva 2009/73/KE.
—
L-għoti ta’ eżenzjoni regolatorja għal infrastruttura maġġuri ġdida huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-livell ta’ riskju marbut mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx sakemm ma tingħatax l-eżenzjoni.
—
L-investiment għall-kostruzzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL twettaq u tlesta definittivament fit-13 ta’ Lulju 2011 u, għalhekk, ma jistax jingħad iktar li hemm l-eżistenza ta’ kwalunkwe tali riskju.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-eżenzjoni tal-infrastruttura tal-gass prevista fl-Artikolu 36(1)(a) u (e) tad-Direttiva 2009/73/KE u, konsegwentement, il-konstatazzjoni li l-emenda tal-eżenzjoni regolatorja tal-pipeline tal-gass OPAL ma għandhiex effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-eżenzjoni tal-infrastruttura tal-gass prevista fl-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE u, konsegwentement, il-konstatazzjoni li l-emenda tal-eżenzjoni regolatorja tal-pipeline tal-gass OPAL ittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-gass fis-suq intern.
7.
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas tal-Bundesnetzagentur li tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFUE fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fis-sens tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE.
8.
It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
9.
Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
10.
L-għaxar motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 263 TFUE.
11.
Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq ir-riskju ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ gass li huma esposti għalih l-utenti tal-gass fir-Repubblika tal-Polonja, li jikkostitwixxi ksur tal-għan tat-Trattat għal azzjoni intiża li tiżgura s-sigurtà tal-enerġija u ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà tal-enerġija, kif ukoll ksur tal-Artikolu 7 tat-Trattat minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tmur kontra politiki oħra tal-Unjoni Ewropea.
12.
It-tnax-il motiv huwa bbażat fuq trattament preferenzjali tal-infrastruttura li hija s-suġġett tal-eżenzjoni, li l-istatus tagħha huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
13.
It-tlettax-il u l-erbatax-il motiv huma bbażati fuq ksur tal-Artikoli 274 u 254 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra.
14.
Il-ħmistax-il motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 TFUE minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tmur kontra politiki oħra tal-Unjoni Ewropea.
15.
Is-sittax-il motiv huwa bbażat fuq l-Artikolu 277 TFUE u jallega li l-Artikolu 2(33) tad-Direttiva 2009/73/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva, huwa invalidu sa fejn tiġi introdotta differenza diskriminatorja bejn infrastrutturi li jistgħu jkunu suġġetti għall-eżenzjoni min-naħa tal-awtoritajiet regolatorji u infrastrutturi oħra li ma jikkwalifikawx għal tali eżenzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy