26.6.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 202/20
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2017 – Anastassopoulos et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni
(Kawża T-147/17)
(2017/C 202/34)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Nikolaos Anastassopoulos (Nea Erythraia, il-Greċja), Aristeidis Anastassopoulos (Nea Erythraia), Alexia Anastassopoulos (Nea Erythraia), Maria Myrto Anastassopoulos (Nea Erythraia), Sophie Velliou (Kifissia, il-Greċja) (rappreżentanti: K. Floros u M. Meng Papantoni, avukati)
Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tilqa’ t-talbiet għad-danni tar-rikorrenti billi tagħti, lill-ewwel rikorrent, l-ammont ta’ EUR 123 442, lil kull wieħed u waħda mit-tliet rikorrenti segwenti, l-ammont ta’ EUR 61 721 u lill-ħames rikorrenti l-ammont ta’ EUR 120 900 jew, sussidjarjament u rispettivament, l-ammonti ta’ EUR 38 227,20, EUR 19 107,60 u EUR 37 440, miżjuda, fil-każijiet kollha, bl-interessi moratorji;
—
tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż, irrispettivament mill-eżitu tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju fundamentali tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet, fl-espressjoni tiegħu li teżiġi trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet differenti, kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li huwa l-espressjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju.
Filwaqt li jinvokaw telf finanzjarju kunsiderevoli minħabba li l-bonds tal-Istat tagħhom kienu suġġetti għal-Liġi Nru 4050/12, imsejħa wkoll “PSA” (Private Sector Investment), huma jargumentaw li rċevew l-istess trattament (inkluża l-istess rata ta’ “haircut”) bħall-persuni ġuridiċi, b’mod partikolari l-banek u l-fondi speċjalizzati, minkejja d-differenzi fundamentali bejniethom.
Huma jattribwixxu dan lill-President tal-Grupp tal-Euro u/jew lill-Grupp tal-Euro bħala tali, li allegatament ipprojbixxew mhux biss l-eżenzjoni tal-persuni fiżiċi mill-“haircut” iżda wkoll kwalunkwe miżura ta’ kumpens ulterjuri, kif ukoll lill-Kummissjoni li allegatament qablet ma’ u tat il-kunsens tagħha għal tali ksur tal-prinċipju msemmi iktar ’il fuq u tal-Artikolu 21 tal-Karta, minkejja l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 17 TUE, kif interpretat mis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u Il-BĊE (C-8/15 P sa C-10/15 P, EU:C:2016:701).
Full & Egal Universal Law Academy