8.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 144/52
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2017 – Troszczynski vs Il-Parlament
(Kawża T-148/17)
(2017/C 144/71)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Mylène Troszczynski (Noyon, Franza) (rappreżentant: M. Ceccaldi, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kwesturi tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Jannar 2017, sa fejn iżżomm id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, tat-23 ta’ Ġunju 2016, għall-irkupru tas-somma ta’ EUR 56 554 mingħand M Troszczynski;
—
tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2016, meħuda skont l-Artikoli 33, 43, 62, 67, 68 tad-Deċiżjoni tal-uffiċċju tal-Parlament Ewropew 2009/C 159/01 tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008“dwar miżuri ta’ applikazzjoni tal-Istatut tad-Deputati fil-Parlament Ewropew”, kif emendat, li jikkonstata li r-rikorrenti kellha dejn ta’ ammont ta’ EUR 56 554 f’ammonti indebitament imħallsa fil-kuntest tal-assistenza parlamentari, timmotiva l-irkupru ta’ din is-somma u tawtorizza lill-uffiċjal responsabbli, b’kollaborazzjoni mal-uffiċjal kontabbli tal-istituzzjoni, li jipproċedi bl-irkupru ta’ dawn l-ammonti skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implementazzjoni u l-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;
—
tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2016-888, mhux datata, li tinforma lir-rikorrenti li ġie kkonstat li kellha dejn wara d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tat-23 ta’ Ġunju 2016, “għall-irkupru ta’ somom indebitament imħallsa għall-assistenza parlamentari, b’applikazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implementazzjoni u tal-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju”;
—
tannulla n-nota ta’ debitu tad-29 ta’ Ġunju 2016;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha tal-istanza;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew iħallas lil M. Trosczcynski, bħala rimbors tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, is-somma ta’ EUR 50 000,00.
Motivi u argumenti prinċipali
Is-somom li huma s-suġġett ta’ din it-tilwima huma relatati ma’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat konkluż bejn ir-rikorrenti u assistent lokali, li jeżerċita l-funzjoni ta’ assistent parlamentari full-time fl-Istat Membru fejn l-imsemmija rikorrenti ġiet eletta. Issa, il-konvenut jikkontesta, abbażi ta’ ċerti indizzji dwar il-funzjonijiet okkupati mill-assistent lokali fi ħdan il-partit politiku ta’ appartenentza tar-rikorrenti, li din ma kinitx tosserva l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 33, 43 u 62 tal-miżuri ta’ applikazzjoni tal-Istatut tad-deputati.
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li f’dan il-każ, l-atti kkontestati huma vvizzjati b’vizzji li jaffettwaw minn naħa l-legalità esterna tagħhom, dwar b’mod partikolari n-nuqqas ta’ kompetenza ratione materiae tal-awtur tal-att, l-assenza ta’ motivazzjoni u n-nuqqas ta’ osservanza ta’ forom proċedurali sostanzjali.
Hija ssostni wkoll li l-legalità interna tal-atti kkontestati hija vvizzjata b’vizzji dwar l-ineżistenza tal-fatti li hija akkużata bihom, id-determinazzjoni tal-parti li għandha l-oneru tal-prova, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-imminar tad-drittijiet politiċi tal-assistenti lokali, l-użu ħażin ta’ poter, in-natura diskriminatorja tad-deċiżjonijiet ikkontestati u l-eżistenza ta’ fumus persecutionis, l-imminar tal-indipendenza tad-deputat u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe mandat vinkolanti, il-ksur tal-prinċipji una via electa u non bis in idem, sa fejn il-president tal-Parlament Ewropew ttrażmetta lill-OLAF l-elementi ta’ fatt li jħallu x’wieħed jippreżupponi allegati irregolaritajiet fir-rigward tar-rikorrenti.
Full & Egal Universal Law Academy