8.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 144/54
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2017 – Post Telecom vs BEI
(Kawża T-158/17)
(2017/C 144/73)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Post Telecom SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: M. Thewes, C. Saettel u T. Chevrier, avukati)
Konvenut: Il-Bank Ewropew tal-Investiment
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li tinsab fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ Jannar 2011, li tinnotifika lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-offerta tagħha li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tas-sejħa għal offerti OP-1305 intitolata “Metropolitan area network and wide area network communication services for the European Investment Bank Group”, kif ukoll id-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor;
—
bħala waħda mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jew bħala waħda mill-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 91 tal-imsemmija Regoli, tistieden lill-BEI jispeċifika jekk kellux xi tip ta’ kuntatt ma’ TELINDUS SA dwar il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, kemm qabel u kemm wara l-preżentazzjoni tal-offerti, b’mod partikolari sabiex jinkisbu spjegazzjonijiet iktar estiżi dwar is-soluzzjoni teknika tagħha, u jekk ikun il-każ, tordna lill-BEI jipproduċi kwalunkwe dokument skambjat f’dan ir-rigward; u tordna l-produzzjoni ta’ kwalunkwe dokument fil-fajl tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti li fih inżammet nota tal-kuntatti li kien hemm bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u TELINDUS SA dwar il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, kemm qabel u kemm wara l-preżentazzjoni tal-offerti;
—
tikkundanna lill-Bank Ewropew tal-Investiment iħallasha danni ta’ EUR 1 247 415,60 minħabba r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu;
—
tikkundanna lill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza fir-rigward tal-metodu ta’ evalwazzjoni previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jew inkella fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, fir-rigward, minn naħa, tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent li ngħata l-kuntratt, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettqa mill-BEI, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-offerent li ngħata l-kuntratt, u b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-offerta tiegħu fid-dawl tal-kriterju tekniku Nru 1.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball materjali, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq użu ħażin ta’ poter imwettqa mill-BEI, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet:
—
l-ewwel parti hija bbażata fuq żball fil-konstatazzjoni materjali tal-fatti, jew inkella fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;
—
it-tieni parti hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy