24.4.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 129/38
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2017 – Consorzio di Garanzia dell'Olio Extra Vergine di Oliva di Qualità vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-163/17)
(2017/C 129/58)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Consorzio di Garanzia dell'Olio Extra Vergine di Oliva di Qualità (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: A. Fratini u G. Pandolfi, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tilqa’ r-rikors u, għaldaqstant, tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE;
—
tordna l-irkupru tad-dannu materjali (dannu reali u lucrum cessans) u tad-dannu morali sostnut mir-rikorrenti;
—
tornda l-ħlas tal-interessi kumpensatorji u moratorji;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti f’dan il-każ tfittex li tikseb il-ħlas għad-dannu sostnut, minn parti minħabba l-ġestjoni mhux ikkoordinata mill-Kummissjoni tal-programmi tal-Unjoni Ewropea ta’ promozzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fil-pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, minħabba l-assenza ta’ eliminazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-effetti dannużi u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżati mis-superimpożizzjoni mhux ikkontrollata taż-żewġ programmi.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, dwar l-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE u fl-Artikolu 21 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, peress li l-Kummissjoni ma żguratx koordinazzjoni koerenti tal-programmi tal-Unjoni Ewropea ta’ promozzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fil-pajjiżi terzi kkonċernati; huwa bbażat ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-Kummissjoni, skont ir-rikorrenti, ma adottatx il-miżuri li kellhom jiġi adottati wara li ġiet informata bl-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-assenza ta’ koordinazzjoni taż-żewġ kampanji ta’ promozzjoni.
2.
It-tieni motiv, dwar l-eżistenza ta’ dannu reali u ċert, huwa bbażat fuq il-fatt li billi ma osservatx l-obbligi li għandha, il-Kummissjoni kkawżat dannu sostanzjali lir-rikorrenti (dannu reali, lucrum cessans u dannu morali).
3.
It-tielet motiv, dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali, huwa bbażat fuq il-fatt li, peress li d-dannu sostnut jikkostitwixxi konsegwenza suffiċjentement diretta u immedjata tal-ġestjoni mhux xierqa tal-programmi ta’ promozzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fil-pajjiżi terzi, teżisti rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu invokat, li għandu jiġi kkumpensat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.
Full & Egal Universal Law Academy