22.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/31
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2017 – TestBioTech vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-173/17)
(2017/C 161/44)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: TestBioTech eV (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Smith, QC, u J. Stevenson, barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Jannar 2017 li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għal eżami mill-ġdid intern tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1215 (1), (UE) 2016/1216 (2) u (UE) 2016/1217 (3), tat-22 ta’ Lulju 2016, li tagħti awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament MĠ”) fir-rigward tal-fażola tas-sojja mmodifikata ġenetikament FG 72, MON 87708 x MON 89788 u MON 87705 x MON 89788, rispettivament;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment motiv uniku, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligi imposti fuqha mir-Regolament MĠ, b’mod partikolari mill-Artikoli 14 u 16 tiegħu, billi naqset milli twettaq il-verifiki sħaħ dwar is-sigurtà xierqa qabel ma tat l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq jew milli tiżgura monitoraġġ effettiv wara l-awtorizzazzjoni.
Il-Kummissjoni żbaljat meta bbażat ruħha fuq id-dritt tal-Unjoni rilevanti dwar il-kontroll tal-pestiċidji peress li dan id-dritt ma jirregolax speċifikament l-organiżmi mmodifikati ġenetikament.
(1) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1215, tat-22 ta’ Lulju 2016, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016 L 199, p. 16).
(2) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1216, tat-22 ta’ Lulju 2016, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (MON-877Ø8-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016 L 199, p. 22).
(3) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1217, tat-22 ta’ Lulju 2016, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti minn fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016 L 199, p. 28).
(4) Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).
Full & Egal Universal Law Academy