19.6.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 195/34
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ April 2017 – Mabrouk vs Il-Kunsill
(Kawża T-216/17)
(2017/C 195/47)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Mohamed Marouen Ben Ali Ben Mohamed Mabrouk (Tuneż, it-Tuneżija) (rappreżentanti: J-R. Farthouat, N. Boulay, avukati, u S. Crosby, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/153, tas-27 ta’ Jannar 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2017 L 23, p. 19) sa fejn din tapplika għar-rikorrent; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jallega li l-iffriżar tal-assi tiegħu jikser il-prinċipju ta’ żmien ragonevoli, stabbilit rispettivament fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent jallega li l-iffriżar tal-assi ma huwiex suffiċjentement fondat:
—
Kuntrarjament għall-provi prodotti mir-rikorrent, il-Kunsill iqis li l-assi tar-rikorrent ma humiex leġittimi, iżda ma jimmotivax id-deċiżjoni tiegħu.
—
Billi jqis li l-assi tar-rikorrent ma humiex leġittimi, il-Kunsill qed iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fattwali, jekk wieħed jassumi li għamel xi tip ta’ evalwazzjoni;
—
L-iffriżar ma għandu l-ebda skop sa fejn huwa intiż li jgħin it-Tuneżija tirkupra l-assi miżapproprjati. Madankollu, l-ebda wieħed mill-assi tar-rikorrent ma kien miżapproprjat.
3.
Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrent jallega li, sa fejn l-iffriżar tal-assi tiegħu seħħ wara l-waqgħa tal-President Ben Ali, tali ffriżar jikser id-dritt għax-xogħol tiegħu.
4.
Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrent jallega li l-iffriżar huwa, f’kull każ, sproporzjonat u jikser id-drittijiet għall-proprjetà tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy