3.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/31
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ April 2017 – SE vs Il-Kunsill
(Kawża T-231/17)
(2017/C 213/43)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: SE (rappreżentant: N. De Montigny, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tiddikjara u tannulla,
—
id-deċiżjoni tal-Unità tad-Drittijiet Individwali tat-22 ta’ Ġunju 2016 li ċaħdet ir-rikonoxximent tan-neputija tiegħu bħala wild dipendenti;
—
sa fejn huwa neċessarju, id-deċiżjoni espliċita tal-24 ta’ Jannar 2017 li tiċħad l-ilment imressaq fid-19 ta’ Settembru 2016;
filwaqt li,
—
tiddikjara li n-neputija tar-rikorrent hija dipendenti fuqu skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2016;
—
tattribwixxi lin-neputija tar-rikorrent il-benefiċċju tal-fond tal-assigurazzjoni tal-mard (JSIS) bis-saħħa tar-rikorrent b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2016;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi kif ukoll fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal allegatament imwettqa mill-Kunsill meta adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
Full & Egal Universal Law Academy