10.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/31
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2017 – Ecolab Deutschland U Lysoform Dr. Hans Rosemann vs ECHA
(Kawża T-243/17)
(2017/C 221/44)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ecolab Deutschland GmbH (Monheim, il-Ġermanja) u Lysoform Dr. Hans Rosemann GmbH (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, M. Grunchard u P. Sellar, avukati)
Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem “ECHA”) li tikkonċerna l-inklużjoni tal-kumpannija Sasol Chemie GmbH & Co. KG, bħala fornitur attiv għas-sustanza 1-Propanol fil-lista pprovduta permezz tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 (1) (iktar ’il quddiem l-“Lista fl-Artikolu 95”) għall-prodotti tat-tipi 1, 2 u 4;
—
tikkundanna lil ECHA għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012
—
Ir-rikorrenti jsostnu li ECHA naqset milli ssegwi r-rekwiżiti legali għall-inklużjoni ta’ kumpannija bħal Sasol fil-Lista fl-Artikolu 95 kif ipprovdut fl-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, peress li ma kienx possibbli għal Sasol li tissottometti lil ECHA fajl sħiħ. Skont ir-rikorrenti, il-fajl tagħha ma setax jinkludi kopja tat-test Comet Assay jew ittra li tagħti drittijiet ta’ aċċess għal dak l-eżami.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
—
Ir-rikorrenti jsostnu li ECHA, meta aċċettat il-fajl ippreżentat minn Sasol għall-iskop tal-Lista fl-Artikolu 95 bħala komplut, ittrattat lill-kumpanniji f’sitwazzjoni simili b’mod differenti mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva u bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-kundizzjonijiet indaqs stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 528/2012 kif ukoll il-ħolqien ta’ kompetizzjoni żleali
—
Ir-rikorrenti jsostnu li bl-inklużjoni ta’ Sasol fil-Lista fl-Artikolu 95, ECHA naqset milli tapplika r-regoli taħt l-Artikoli 62 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 li huma intiżi sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs bejn dawk il-kumpanniji, bħar-rikorrenti, li jkunu ħadu sehem fl-eżami tal-1 Propanol u dawk, bħal Sasol, li ma jkunux.
(1) Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy