17.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 231/29
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2017 – António Conde & Companhia vs Il-Kumissjoni
(Kawża T-244/17)
(2017/C 231/36)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: António Conde & Companhia, SA (Gafanha de Nazaré, il-Portugal) (rappreżentant: J. García-Gallardo Gil-Fournier, avukat)
Konvenuta: Il-Kumissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tieħu azzjoni skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2007, tat- 22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU 2007, L 318, p. 1), billi titlob lill-Portugall jippreżentalha lista ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Portugall u li huma awtorizzati jistadu fiż-żona regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral għall-istaġun tal-2017, liema lista tekludi l-bastiment tas-sajd CALVÃO, bil-konsegwenza li naqset milli tibgħat lista li tinkludi dan il-bastiment lis-Segretarjat tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed li permezz tiegħu tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2007 billi naqset, b’mod illegali, milli tibgħat lista ta’ bastimenti li tinkludi l-bastiment tas-sajd tar-rikorrenti, bl-isem ta’ CALVÃO, għall-finijiet ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd fiż-żona regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral għall-istaġun tal-2017.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex tipparteċipa fl-abbozzar tal-listi ta’ bastimenti awtorizzati għaliex din hija kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tastjeni milli tinterferixxi fl-abbozzar tal-lista kkonċernata u talbitha sabiex tonera l-obbligi tagħha fir-rigward tat-trażmizzjoni tal-lista li tinkluda l-bastiment tas-sajd CALVÃO lis-Segretarjat tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral.
Full & Egal Universal Law Academy