10.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/33
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2017 – RE vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-257/17)
(2017/C 221/46)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: RE (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni impliċita tad-direttorat tas-sigurtà li b’mod taċitu tiċħad it-talba konfermattiva għal aċċess għal dokumenti mressqa mir-rikorrent fl-20 ta’ Jannar 2017;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent kumpens ġust u ekwu għad-dannu morali mġarrab minħabba r-rifjut illegali li tiġi ttrattata t-talba tiegħu għal aċċess għal dokumenti bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 (1); u,
—
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrent f’dawn il-proċeduri
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita kkontestata msemmija hawn fuq għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, għaliex id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda motivazzjoni dwar in-nuqqas ta’ żvelar tal-15-il dokument mitlub mir-rikorrent, li ma ssemmewx fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2016 li ċaħdet it-talba inizjali tar-rikorrent għal aċċess għal dokumenti; it-tieni nett, minħabba n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni, jew f’kull każ, il-ġustifikazzjoni żbaljata fir-rigward tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti l-oħra, jekk kellu jitqies li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tad-22 ta’ Diċembru 2016 li tiċħad it-talba inizjali tar-rikorrent għal aċċess hija inkorporata fid-deċiżjoni impliċita kkontestata.
Fl-aħħar, ir-rikorrent jitlob li jingħata kumpens xieraq għad-dannu morali li huwa ġarrab li rriżulta mid-dewmien persistenti tal-amministrazzjoni u mir-rifjut illegali li huwa jingħata aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy