24.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 239/48
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2017 – SD vs EIGE
(Kawża T-263/17)
(2017/C 239/61)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: SD (rappreżentanti: L. Levi u A. Blot, avukati)
Konvenut: L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-EIGE tas-26 ta’ Awwissu 2016, li tiċħad it-talba tar-rikorrent datata s-26 ta’ April 2016 għat-tieni tiġdid tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu;
—
tannulla wkoll, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni tal-EIGE tal-20 ta’ Jannar 2017, innotifikata lir-rikorrent fit-23 ta’ Jannar 2017, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent imressaq fit-3 ta’ Ottubru 2016 kontra d-deċiżjoni impliċita tal-EIGE;
—
tikkumpensa lir-rikorrent għad-dannu materjali u morali sostnut;
—
tirrimborsa l-ispejjeż kollha sostnuti f’dan l-appell.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u għaldaqstant tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
—
Il-konvenut naqas milli jipprovdi lir-rikorrent deċiżjoni motivata dwar is-sustanza tat-talba u l-ilment sussegwenti. Din l-assenza totali ta’ motivazzjoni tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-UE u tad-Deċiżjoni tal-EIGE Nru 82, tat-28 ta’ Lulju 2014, dwar il-proċedura ta’ tiġdid/nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratti applikabbli għall-aġenti temporanji u għall-aġenti b’kuntratt (“Deċiżjoni 82”).
—
Il-konvenut naqas milli jeżerċita kif xieraq is-setgħat diskrezzjonali mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija u ma wettaqx eżami sħiħ jew fid-dettall tal-fatti rilevanti kollha tal-każ.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq irregolaritajiet proċedurali inklużi l-ksur tar-regoli proċedurali interni stipulati fid-Deċiżjoni 82, il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża, tad-dritt għal smigħ, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza.
—
Il-konvenut mhux talli naqas milli jsegwi l-proċedura prevista fid-Deċiżjoni 82 talli naqas milli jisma’ b’mod effettiv il-perspettivi tar-rikorrent b’xi mod ieħor. Għalhekk, huwa naqas, qabel ma ħa d-deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2016, milli jikseb informazzjoni rilevanti mir-rikorrent dwar l-interessi tiegħu u ma ppermettiex lir-rikorrent jipprepara sewwa d-difiża tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy