17.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 231/37
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2017 – Yanukovych vs Il-Kunsill
(Kawża T-285/17)
(2017/C 231/46)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Viktor Fedorovych Yanukovych (Kiev, l-Ukraina) (rappreżentant: T. Beazley, QC)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381, tat-3 ta’ Marzu 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 34), sa fejn tapplika għar-rikorrent;
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374, tat-3 ta’ Marzu 2017, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 1), sa fejn japplika għar-rikorrent;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma kellux bażi legali xierqa għall-atti kkontestati.
—
Il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 29 TFUE ma kinux issodisfatti mid-deċiżjoni kkontestata.
—
Il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi invokat l-Artikolu 215 TFUE ma kinux issodisfatti peress li ma kien hemm ebda deċiżjoni valida taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE.
—
Ma kienx hemm rabta suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi invokat l-Artikolu 215 TFUE kontra r-rikorrent.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq użu ħażin tal-poteri tiegħu.
—
L-għan reali tal-Kunsill għall-implementazzjoni tal-atti kkontestati kien jikkonsisti essenzjalment f’tentattiv li jindiehes mar-reġim Ukrain attwali (b’mod li l-Ukraina tiżviluppa rabtiet iktar mill-qrib mal-Unjoni), u ma kienx jikkorrispondi mal-għanijiet jew mal-ġustifikazzjonijiet invokati fl-atti kkontestati.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill naqas milli josserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.
—
Il-“motivi” adottati fl-atti kkontestati sabiex jiġi inkluż ir-rikorrent (minbarra l-fatt li huma żbaljati) huma purament formali, mhux xierqa u speċifikati b’mod mhux xieraq.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kriterji meħtieġa sabiex persuna tiġi inkluża fiż-żmien rilevanti.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta inkluda lir-rikorrent fil-miżuri kkontestati. Billi inkluda mill-ġdid lir-rikorrent, minkejja l-assenza evidenti ta’ rabta bejn il-“motivi” u l-kriterji ta’ inklużjoni rilevanti, il-Kunsill wettaq żball manifest.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li nkisru d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u/jew li huwa ċċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fost affarijiet oħra, il-Kunsill ma kkonsultax b’mod xieraq mar-rikorrent qabel ma inkludieh mill-ġdid, u r-rikorrent ma ngħatax opportunità xierqa jew ġusta li jikkorreġi żbalji jew li jipproduċi informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi persunali tiegħu.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li nkisru d-drittijiet għall-proprjetà tar-rikorrent skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn, b’mod partikolari, il-miżuri restrittivi jikkostitwixxu restrizzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata għal dawn id-drittijiet.
Full & Egal Universal Law Academy