17.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 231/38
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2017 – Yanukovych vs Il-Kunsill
(Kawża T-286/17)
(2017/C 231/47)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Oleksandr Viktorovych Yanukovych (Donetsk, l-Ukrajna) (rappreżentant: T. Beazley, QC)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381, tat-3 ta’ Marzu 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 34) sa fejn din tapplika għar-rikorrent;
—
tannulla Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374, tat-3 ta’ Marzu 2017, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 1), sa fejn din tapplika għar-rikorrent.
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kunsill ma kellux bażi legali xierqa għall-atti kkontestati.
—
Il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 29 TUE ma kinux issodisfatti bid-deċiżjoni kkontestata.
—
Il-kundizzjonijiet li jippermettu li wieħed jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 215 TFUE ma kinux issodisfatti, u dan għaliex ma kien hemm ebda deċiżjoni valida skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE.
—
Ma kien hemm ebda rabta suffiċjenti sabiex wieħed jinvoka l-Artikolu 215 TFUE kontra r-rikorrent.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kunsill wettaq użu ħażin tal-poteri tiegħu.
—
L-għan reali tal-Kunsill fl-implementazzjoni tal-atti kkontestati essenzjalment kien li jipprova jintgħoġob mar-reġim attwali fl-Ukrajna (biex b’hekk l-Ukrajna tiżviluppa rabtiet iktar mill-qrib mal-Unjoni), u mhux l-għanijiet/raġunamenti invokati fl-atti kkontestati.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kunsill naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.
—
Il-“motivazzjoni” adottata fl-atti kkontestati sabiex ir-rikorrent jiġi inkluż (minbarra li hija żbaljata) hija sterjotipata, inadegwata u speċifikata b’mod mhux xieraq.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li r-rikorrent ma jissodisfax il-kriterji meħtieġa sabiex persuna tiġi inkluża fil-lista fiż-żmien rilevanti.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta inkluda lir-rikorrent fil-miżuri kkontestati. Billi reġà indika lir-rikorrent, minkejja n-nuqqas ċar ta’ konnessjoni bejn “il-motivazzjoni” u l-kriterji rilevanti ta’ indikazzjoni, il-Kunsill wettaq żball manifest.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ġew miksura u/jew li huwa ġie miċħud protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fost affarijiet oħra, il-Kunsill naqas milli b’xod xieraq jikkonsulta mar-rikorrent qabel ma wettaq l-indikazzjoni mill-ġdid, u r-rikorrent ma ngħatax opportunità xierqa u ġusta sabiex jew jikkoreġi żbalji jew inkella jipproduċi informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi personali tiegħu.
7.
Is-seba motiv ibbażat fuq li d-drittijiet tar-rikorrent għall-proprjetà taħt l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġew miksura sa fejn, fost oħrajn, il-miżuri restrittivi jikkostitwixxu restrizzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata ta’ dawk id-drittijiet.
Full & Egal Universal Law Academy