17.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 231/40
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2017 – Stavytskyi vs Il-Kunsill
(Kawża T-290/17)
(2017/C 231/49)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Edward Stavytskyi (il-Belġju) (rappreżentanti: J. Grayston, solicitor, P. Gjørtler, G. Pandey u D. Rovetta, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381, tat-3 ta’ Marzu 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 58, p. 34), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374, tat-3 ta’ Marzu 2017, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 58, p. 1), sa fejn dawn l-atti jżommu lir-rikorrent fuq il-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-inklużjoni fil-lista jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li dawn jippermettu l-inklużjoni fil-lista fuq il-bażi biss li jkunu suġġetti għal proċeduri kriminali, u li konsegwentement l-azzjoni li ttieħdet fuq l-atti kkontestati kienet illegali.
2.
It-tieni motiv, li jallega li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li ma kellux bażi fattwali solida biżżejjed sabiex jinkludi fil-lista lir-rikorrent minħabba li huwa kien suġġett għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukraini minħabba użu ħażin ta’ fondi u ta’ assi pubbliċi.
3.
It-tielet motiv, li jallega motivazzjoni insuffiċjenti, peress li, fl-atti kkontestati, il-Kunsill ta motivazzjoni insuffiċjenti u standardizzata, billi llimita ruħu li jirriproduċi t-test li jinsab fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-inklużjoni fil-lista.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega bażi legali żbaljata, peress li l-miżuri meħuda mill-Kunsill, fir-rigward tar-rikorrent, ma jikkostitwixxux atti ta’ politika estera, iżda pjuttost miżuri ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-proċeduri kriminali, li għalhekk ġew adottati fuq bażi legali żbaljata.
Full & Egal Universal Law Academy