7.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 256/29
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2017 – Danpower Baltic vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-295/17)
(2017/C 256/35)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Danpower Baltic UAB (Kauno, il-Litwanja) (rappreżentanti: D. Fouquet, J. Nysten u J. Voß, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tad-19 ta’ Settembru 2016, fil-Każ SA.41539 (2016/N) – Litwanja, Għajnuna għall-investiment għal impjant ta’ koġenerazzjoni ta’ enerġija ta’ effiċjenza għolja f’Vilnjus, UAB Vilniaus kogeneracinė jėgainė Viniaus Kogeneracinee Jeqaine – C(2016) 5943 finali;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li hija bbażata fuq provi insuffiċjenti, mhux kompluti, insinjifikattivi u inkonsistenti
—
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq provi insuffiċjenti, mhux kompluti, insinjifikattivi u inkonsistenti. Dan jikkonċerna speċifikament id-disponibbiltà ta’ investiment privat f’impjanti li jiġġeneraw sħana u enerġija (CHPs) u impjanti oħra li jiġġeneraw is-sħana, l-impatt tas-CHP fuq l-ambjent, il-kapaċitajiet eżistenti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart fil-Litwanja, l-istatus quo tas-suq tal-ġenerazzjoni tas-sħana f’Vilnjus u n-nuqqas ta’ Lietuvos Energija li twettaq proċedura ta’ sejħa għall-offerti vijabbli għall-għażla ta’ sieħeb privat. Din l-informazzjoni ma ġietx ikkunsidrata mill-konvenuta.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE peress li ma tirrispettax in-notifika u l-evalwazzjoni individwali meħtieġa għal għajnuna fuq skala kbira u tassumi l-kontribuzzjoni għal għan ta’ interess komuni
—
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE minħabba li ma tirrispettax in-notifika u l-evalwazzjoni individwali meħtieġa għal għajnuna fuq skala kbira u tassumi l-kontribuzzjoni għal għan ta’ interess komuni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tonqos milli tevalwa kif suppost skont il-punt 33 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija 2014-2020 jekk l-għajnuna mill-Istat isservi għall-protezzjoni tal-ambjent. Il-konvenuta użat standard ta’ evalwazzjoni ħażin u ma ikkunsidratx li t-tnaqqis potenzjali ta’ CO2 huwa kunsiderevolment iktar baxx minn dak iddikjarat fid-deċiżjoni.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE peress li tirriżulta f’nuqqas ta’ osservanza tal-ġerarkija tal-iskart fil-Litwanja
—
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE peress li tirriżulta f’nuqqas ta’ osservanza tal-ġerarkija tal-iskart fil-Litwanja. L-għajnuna mill-Istat sejra tkompli żżid il-kapaċità żejda tal-impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart fil-Litwanja u tnaqqas l-inċentivi biex jiżdied ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid. Dan sejjer ifixkel lil-Litwanja milli tissodisfa l-mira ta’ 50 % ta’ riċiklaġġ taħt id-Direttiva 2008/98/KE. Il-Kummissjoni Ewropea stess ħeġġet lill-Gvern Litwan biex ma jinċentivax il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE sa fejn tikkonkludi li jkun hemm bżonn ta’ intervent mill-Istat fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat.
—
Il-konvenuta ma eżaminatx u lanqas ma indirizzat il-provi li s-suq tal-ġenerazzjoni tas-sħana tad-distrett ta’ Vilnjus iwassal għal titjib simili għall-protezzjoni ambjentali permezz tas-sostituzzjoni tal-gass mill-bijomassa mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat. Ma hemm l-ebda falliment tas-suq tal-ġenerazzjoni tas-sħana f’Vilnjus. Is-suq tal-ġenerazzjoni tas-sħana huwa suq kompetittiv bi prezzijiet kompetittivi li jinċentivaw b’mod xieraq l-investiment f’bijomassa mingħajr CO2 u f’kapaċitajiet ta’ inċinerazzjoni tal-iskart.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE fejn tikkonkludi li l-għajnuna hija proporzjonata.
—
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tonqos milli twettaq evalwazzjoni xierqa tal-proporzjonalità peress illi taċċetta l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Litwan mingħajr ittestjar, u tuża xenarju kontrofattwali żbaljat li jqabbel proġetti ta’ investiment totalment differenti (CHP u bojler għall-ġenerazzjoni tas-sħana biss minflok iqabbel żewġ proġetti CHP).
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE meta tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat ikollha effett ta’ inċentiv.
—
Il-konvenuta ibbażat ruħha fuq is-sottomissjonijiet tal-Gvern Litwan li l-benefiċjarju ma kienx kieku jibni is-CHP ta’ Vilnjus, li madankollu huwa żbaljat, peress li dawk l-attivitajiet huma eżattament fl-ambitu tan-negozju normali tal-benefiċjarju, jiġifieri ma kienx hemm il-bżonn li jiġi inċentivat iktar.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE minħabba li tqis b’mod żbaljat l-impatt fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni tas-sħana f’Vilnjus.
—
Il-konvenuta kellha informazzjoni dwar il-kompetizzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni tas-sħana f’Vilnjus, iżda apparentement qieset dan b’mod żbaljat meta kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda impatt. B’mod partikolari, ma ġietx eżaminata biżżejjed it-theddida li ma jkunx hemm iktar spazju għall-atturi l-oħra preżenti fis-suq u għaldaqstant il-konklużjonijiet li wasslet għalihom il-konvenuta huma żbaljati. Din l-għajnuna mill-Istat sejra twassal biex ma jkunx hemm iktar spazju fis-suq għall-produtturi indipendenti tal-ġenerazzjoni tas-sħana li joperaw impjanti tal-ġenerazzjoni tas-sħana b’bijomassa mingħajr CO2. Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat tippermetti lil Vilnius KJ li jkollha pożizzjoni dominanti fis-suq, b’madwar 51 % tas-suq.
Full & Egal Universal Law Academy