7.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 256/30
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Mejju 2017 – Iordachescu et vs Il-Parlament et
(Kawża T-298/17)
(2017/C 256/36)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Partijiet
Rikorrenti: Adrian Iordachescu (Bukarest, ir-Rumanija), Florina Iordachescu (Bukarest), Mihaela Iordachescu (Bukarest), Cristinel Iordachescu (Bukarest) (rappreżentant: A. Cuculis, avukat)
Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla parzjalment id-Direttiva 2014/40/UE, l-Artikolu 10 u l-Anness II “Librerija ta’ stampi” prinċipalment b’riferiment għall-istampa tat-taqsima WARNING 5 “Set 1 Image”;
—
sussidjarjament, temenda parzjalment id-Direttiva 2014/40, l-Artikolu 10 u l-Anness II appruvati mill-Kummissjoni Ewropea, fir-rigward tal-assenza ta’ kwalunkwe riferiment fuq il-pakketti tas-sigaretti għal link informattiv jew għal “disclaimer” li jikkonċerna r-ritratti li jidhru fuq il-pakketti tas-sigaretti u tiġi inkluża fuq il-pakketti tas-sigaretti kollha tal-Unjoni Ewropea twissija dwar l-istampi li jidhru fuq il-pakketti tas-sigaretti, b’riferiment partikolari għal link fejn tista’ tinsab informazzjoni dwar l-istampi li jidhru fuq il-pakketti sabiex jiġi eliminat kwalunkwe dubju;
—
temenda l-mod kif jinkiseb il-kunsens mill-persuni li jidhru fuq tali pakketti tas-sigaretti b’tali mod li l-persuni li jidhru fuq il-pakketti tas-sigaretti jagħtu l-kunsens għall-pubblikazzjoni ta’ isimhom veru u ta’ informazzjoni medika personali sabiex ma jkun hemm ebda konfużjoni u ma tkun tista’ tqum ebda konfużjoni oħra dwar il-persuni li jidhru fuq dawk il-pakketti tas-sigaretti, u jiġi żgurat li l-informazzjoni personali u ta’ natura medika jiffurmaw parti integrali mil-link li jistgħu jikkonsultaw il-persuni li jkunu jixtiequ jsiru jafu l-identità/l-istorja medika tas-suġġetti li jidhru fuq il-pakketti tas-sigaretti;
—
tordna liż-żewġ istituzzjonijiet, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, sabiex jippreżentaw kopja tal-kunsens konformi mal-oriġinal ipprovdut mill-persuna li tidher fis-serje ta’ stampi Numru 5, Serje 1, mingħajr ħabi tal-informazzjoni personali, u l-istampi li jikkorrispondu għall-kunsens mogħti, sabiex titwettaq perizja kriminali fuq ir-ritratti;
—
tordna lill-konvenuti jħallsu s-somma ta’ EUR 1 000 000 bħala kumpens għad-danni morali għas-sofferenza kkawżata mill-pubblikazzjoni ta’ tali stampi ftit wara l-mewt ta’ missier ir-rikorrenti u għas-sofferenza maħluqa mill-ħabi tal-informazzjoni li setgħet tikkjarifika s-sitwazzjoni tar-raġel fuq il-pakketti tas-sigaretti b’tali mod li l-perijodu ta’ sofferenza tal-familja seta’ kien ħafna iqsar.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li d-Direttiva 2014/40/UE affettwatilhom ħajjithom ta’ kuljum minħabba l-inkwiet ikkawżat mix-xebh tal-persuna fuq il-pakketti tas-sigaretti ma’ missierhom il-mejjet.
Full & Egal Universal Law Academy