31.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 249/30
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2017 – Optile vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-309/17)
(2017/C 249/46)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Organisation professionnelle des transports d’Ile de France (Optile) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: F. Thiriez u M. Dangibeaud, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
prinċipalment, tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta’ Frar 2017 SA.26763 dwar għajnuna mogħtija lill-intrapriżi tat-trasport komuni mir-reġun tal-Ile-de-France, iżda biss safejn ġie meqjus li l-iskema ta’ għajnuna implementata mir-reġjun tal-Île-de-France mill-1979 sal-2008 tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida “implementata illegalment”;
—
sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta’ Frar 2017 SA.26763 dwar għajnuna mogħtija lill-intrapriżi tat-trasport komuni mir-reġun tal-Ile-de-France sa fejn hija tqis li l-iskema ta’ għajnuna ġiet “implementata illegalment” bejn Mejju 1994 u l-25 ta’ Diċembru 2008.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2017 dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (ex 2012/NN) implementati minn Franza favur impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-reġjun tal-Île-de-France [C (2017) 439 finali] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) qieset li l-iskema eżaminata kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem l-ilmenti li ġejjin:
—
ksur tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2015/1589”), safejn il-bażi legali tal-iskema eżaminata tippreċedi t-Trattat ta’ Ruma;
—
l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 2015/1589;
—
l-iżball ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tad-data tal-liberalizzazzjoni tas-suq.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikklassifika l-iskema bħala skema ta’ għajnuna ġdida għall-perijodu bejn l-1994 u l-1998. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tinvoka:
—
il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi safejn il-Kummissjoni estendiet il-kamp tal-investigazzjoni tagħha lil hinn mill-qafas iffissat mid-deċiżjoni ta’ ftuħ;
—
il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2015/1589, safejn il-Kummissjoni qieset li talba għat-tħassir magħmula minn individwu tinterrompi l-preskrizzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy