24.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 239/51
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2017 – Martinair Holland vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-323/17)
(2017/C 239/65)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Martinair Holland NV (Haarlemmermeer, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: M. Smeets, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru) fl-intier tagħha għal ksur tal-prinċipju tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat pubbliċi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (l-ewwel motiv) u minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fuq it-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE (it-tieni motiv) (prinċipalment);
—
tannulla l-Artikolu 1(2)(d) u 3(d) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ikkonstatat li r-rikorrenti wettqet ksur fil-qasam tat-trasport bl-ajru mill-ajruporti barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE (it-tieni motiv) (sussidjarjament);
—
tannulla l-Artikolu 1(1)(d), 2(d), 3(d) u 4(d) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ikkonstatat li l-ksur uniku u kontinwu jinkludi n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi. (it-tielet motiv), u
—
tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi jew parzjalment.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat pubbliċi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qed tikser il- projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat pubbliċi peress li qed teskludi mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata impriżi li, skont l-espożizzjoni tal-motivi, aġixxew bl-istess mod bħad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni qed tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sanzjonament għall-ksur, billi timponi fuqha multa u billi esponietha għar-responsabbiltà ċivili filwaqt li din teskludi mid-dispożittiv tad-deċiżjoni l-impriżi li, skont l-espożizzjoni tal-motivi, aġixxew bl-istess mod bħad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fuq it-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha b’mod żbaljat fuq il-preżunzzjoni li l-ksur uniku u kontinwu fil-qasam tat-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, ġiet implementata fiż-ŻEE.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata b’mod żbaljat fuq il-preżunzjonili l-ksur uniku u kontinwu fil-qasam tat-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE kellu effett sustanzjali, immedjat u prevedibbli fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-konstatazzjoni li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi jikkostitwixxi element separat tal-ksur.
—
Ir-rikorrenti ssostni li ż-żewġ preżunzzjonijiet li bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikklassifika n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq sovrataxxi bħala element separat tal-ksur huma kontradittorji fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv u ekonomiku tal-industrija kkonċernata.
—
Ir-rikorrenti sostniet ukoll li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi ma jistax jiġi distint mill-prattiki dwar is-sovrataxxa għall-karburant u fuq is-sovrataxxa għas-sigurtà u li ma jikkostitwixxix element separat tal-ksur.
Full & Egal Universal Law Academy