24.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 239/53
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2017 – SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-324/17)
(2017/C 239/66)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: SAS Cargo Group A/S (Kastrup, id-Danimarka), Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden (Stockholm, l-Iżvezja), SAS AB (Stockholm) (rappreżentanti: B. Creve, M. Kofmann u G. Forwood, avukati u J. Killick, Barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru) fl-intier tagħha jew parzjalment;
—
sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;
—
tieħu l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew il-miżuri istruttorji neċessarji jew kull miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis neċessarja, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet minħabba li l-Kummissjoni rrifjutatilhom l-aċċess għall-provi rilevanti, kemm inkriminanti u skaġunanti, inklużi dawk li hija rċeviet wara n-notifika tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.
2.
It-tieni motiv huwa bbażata fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ ġarr bl-ajru deħlin fiż-ŻEE kif ukoll konnessjonijiet bejn l-Isvizera u t-tliet Stati barra l-UE/ŻEE.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-provi billi kkonkludiet li dawn jippruvaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu internazzjonali kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, jew li dawn kienu jafu bih.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tal-Artikolu 17 tal- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 296(2) TFUE minħabba li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa mill-koerenza interna, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-imputazzjoni tar-responsabbiltà ta’ ksur allegat.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat imponiet multa fuq ir-rikorrenti peress li dawn tal-aħħar ma setgħux jitqiesu responsabbli għall-ksur allegat u li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni wettqet żball billi kkalkolat il-multa fid-dawl tal-valur ta’ bejgħ, tal-fattur ta’ gravità dwar is-sitwazzjoni partikolari li fiha tinsab SAS Cargo, tat-tul, taż-żieda fil-multa għal reċidiva u ta’ diversi ċirkustanzi attenwanti. Għaldaqstant, il-multa għandha tiġi annullata jew, sussidjarjament, imnaqqsa b’mod sinjifikattiv.
Full & Egal Universal Law Academy