31.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 249/34
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2017 – Hautala et vs EFSA
(Kawża T-329/17)
(2017/C 249/50)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Heidi Hautala (Helsinki, il-Finlandja), Benedek Jávor (Budapest, l-Ungerija), Michèle Rivasi (Valence, Franza) u Bart Staes (Antwerpen, il-Belġju) (rappreżentant: B. Kloostra, avukat)
Konvenuta: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni konfermattiva tal-EFSA, tal-14 ta’ Marzu 2017 li ġġib ir-referenza PAD 2017/005 CA, li tikkonferma d-deċiżjoni tagħha tad-9 ta’ Diċembru 2016 u tas-7 ta’ Ottubru 2016 li ġġib ir-referenza PAD 2016/034 sabiex il-parti l-kbira tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti tiġi rrifjutata; u
—
tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-EFSA kisret l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (1) billi ma applikatux għall-informazzjoni mitluba. L-eċċezzjoni għall-iżvelar għall-protezzjoni tal-“interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali”, stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellha titwarrab mill-EFSA u ma kellhiex tiġi applikata għall-informazzjoni mitluba, abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li l-EFSA kisret l-Artikolu 2(4) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (2) u l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 178/2002 (3) billi rrifjutat li tiżvela l-informazzjoni mitluba għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-proprjetarji tal-istudji, filwaqt li ma tatx prova ta’ dannu konkret u/jew ta’ riskju reali ta’ dannu konkret, bi ksur ukoll tal-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fejn hemm previst li eċċezzjoni għall-iżvelar tista’ tingħata biss għall-protezzjoni tal-interess ta’ “kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali u industrijali, fejn tali kunfidenzjalità hija protetta mil-liġi sabiex jiġi protett interess ekonomiku leġittimu” peress li ebda interess ekonomiku leġittimu konkret ma ġie identifikat u/jew ingħatat prova tiegħu fil-miżura kkontestata.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-EFSA wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 (4), peress li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-informazzjoni mitluba u/jew l-iżvelar tal-informazzjoni huwa ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 63(2) u/jew tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1107/2009.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-EFSA kisret l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ma rrikonoxxietx li jeżisti interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tal-istudji u billi ċaħdet il-prova tar-rikorrenti ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tal-istudji.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li, billi naqset milli twieżen l-interess tal-aċċess mill-pubbliku għal informazzjoni ambjentali fl-istudji kontra l-interess privat tal-kumpanniji li jipproteġu l-interessi kummerċjali tagħhom u/jew li jħallu li l-interessi tal-kumpanniji jipprevalu, l-EFSA kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq li, peress li d-data disponibbli ma tippermettix eżami mill-ġdid indipendenti u komplet tal-evalwazzjoni bejn il-pari (peer review) tal-EFSA dwar il-glifosat, ir-rikorrenti għandhom interess fl-iżvelar tal-istudji. Billi ċaħdet l-interess ġenerali u l-interess tar-rikorrenti fl-iżvelar tal-informazzjoni mitluba, l-EFSA kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 178/2002.
(1) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)
(3) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463)
(4) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy