17.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 231/53
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2017 – Steifer vs KESE
(Kawża T-331/17)
(2017/C 231/68)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: G. Steifer (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)
Konvenut: il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2002 tad-Direttur tar-Riżorsi Umani u Finanzjarji tal-KESE li tiċħad t-talba tar-rikorrent tat-2 ta’ Ottubru 2002 sabiex jiġi rrimborsat, bl-interessi fis-seħħ, il-parti mhux akkreditata tad-drittijiet għall-pensjoni Belġjana tiegħu ittrasferiti fis-sistema Komunitarja;
—
tannulla l-avviż ta’ iffissar tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar tar-rikorrent, deċiż permezz tad-Deċiżjoni Nru 360/03 A tal-15 ta’ Diċembru 2003, sa fejn dan kien jeskludi jew kien jastjeni milli jipprevedi r-rimbors tal-arretrati perjodiċi li jikkorrispondu għall-pensjoni tal-irtirar tiegħu li tħallsu mill-Office national des pensions du Royaume de Belgique [l-uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet tar-Renju tal-Belġju] fil-kont bankarju tal-KESE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004 minħabba t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tegħu;
—
tikkundanna lill-KESE jirrimborsa lir-rikorrent l-ammont tal-arretrati periodiċi mħallsa mill-ONP lill-Kumitat sa mill-1 ta’ Jannar 2014 abbażi tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu, bl-interessi moratorji bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti, mid-data li fiha kellhom iseħħu dawn ir-rimborsi u sal-ħlas sħiħ tagħhom;
—
tikkundanna lill-KESE jirrimborsa kull xahar lir-rikorrent l-ammont tal-arretrati periodiċi li xorta ser ikunu fil-futur imħallsa mill-ONP fil-kont bankarju tal-Kumitat;
—
tikkundanna lill-KESE għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka motivi uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu tal-Unjoni Ewropea, tad-dritt għall-proprjetà u tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal interpretat fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jeskludu jew ma jipprevedux id-dritt tar-rikorrent għar-rimbors tal-ammont tal-pensjoni nazzjonali tiegħu li ma kkontribwixxiex għall-kostituzzjoni tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy