31.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 249/35
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2017 – E-Control vs ACER
(Kawża T-332/17)
(2017/C 249/51)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (E-Control) (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: F. Schuhmacher, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija tas-17 ta’ Marzu 2017, Każ A-001-2017 (ikkonsolidat);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell meta qies li l-ACER kienet kompetenti sabiex tbiddel il-proposta tas-sistema ta’ trażmissjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta qies li l-ACER kienet kompetenti sabiex tbiddel il-proposta tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għaliex ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (1) ma jipprevedix tali kompetenza.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell meta qies li l-ACER kienet kompetenti minkejja li ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni t-talba tar-rikorrenti għal emenda.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-ACER ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-talba tagħha għal emenda mressqa skont l-Artikolu 9(12) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta kkonkluda li l-ACER kienet kompetenti minkejja l-fatt li ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni t-talba tagħha għal emenda.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell meta qies li l-ACER kienet kompetenti sabiex tintroduċi konfini taż-żona tal-offerti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball manifest ta’ liġi meta kkonkluda li l-ACER kienet kompetenti sabiex tbiddel il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti u tintroduċi żoni tal-offerti ġodda skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222. Skont ir-rikorrenti, l-ACER aġixxiet ultra vires u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-qafas legali u l-kompetenza tal-Istati Membri.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata u fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell meta qies li l-ACER ipprovat li teżisti konġestjoni strutturali fuq il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Awstrija.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet proċedurali tagħha ma ġewx irrispettati, għaliex il-Bord tal-Appell ma eżaminax l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-appell iżda minflok ibbaża ruħu fuq dikjarazzjoni ġenerali li ma kellha ebda rabta speċifika mal-każ inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li l-Bord tal-Appell immotiva d-deċiżjoni tiegħu b’mod suffiċjenti, il-Bord tal-Appell wettaq ukoll żball ta’ liġi meta, mingħajr ebda riferiment għall-istandard legali, aċċetta l-konklużjoni tal-ACER ibbażata fuq definizzjoni żbaljata ta’ konġestjoni.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata u fuq żball ta’ liġi mwettaq meta ma ttiħditx inkunsiderazzjoni t-talba tar-rikorrenti għal provi.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma wettaqx evalwazzjoni raġonevoli tat-talba u, b’dan il-mod, naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni adegwata. Skont ir-rikorrenti, peress li l-Bord tal-Appell għandu jasal għal konklużjoni motivata dwar jekk l-appell kienx fondat, huwa kellu obbligu li jitlob informazzjoni meta dan ikun neċessarju għad-deċiżjoni tal-każ inkwistjoni. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għalhekk wettaq żball ta’ liġi meta ċaħad it-talba tagħha għal informazzjoni.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata u fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell meta qies li l-introduzzjoni ta’ konfini taż-żona tal-offerti kienet proporzjonata.
—
Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi differenti, in-nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata bħala ksur ta’ drittijiet proċedurali, u żball ta’ liġi fir-rigward tal-istandard legali meħtieġ. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju fundamentali ta’ proporzjonalità li jinsab fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 (2) li huwa wkoll prinċipju fundamentali tat-TFUE.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222, tal-24 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015 L 197, p. 24).
(2) Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009 L 211, p. 15).
Full & Egal Universal Law Academy