24.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 239/57
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 – Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-334/17)
(2017/C 239/70)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Cargolux Airlines International SA (Sandweiler, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: G. Goeteyn, Solicitor, E. Aliende Rodríguez, avukat, u C. Rawnsley, Barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ l-ewwel, it-tieni, it-tielet jew r-raba’ motivi, tannulla l-Artikolu 1(1) sa (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru) fl-intier tagħha sa fejn tirrigwarda lil Cargolux;
—
Fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tilqa’ l-ħames motiv,
—
tannulla l-Artikolu 1(1) fl-intier tiegħu jew, jekk ma jiġix annullat fl-intier tiegħu, tannulla l-Artikolu 1(1) sa fejn i) jirrigwarda s-sovrataxxa għas-sigurtà u l-ħlas tal-kummissjoni, ii) jirrigwarda l-perijodu mit-22 ta’ Jannar 2001 sat-tmiem tal-2002 u iii) tikkonstata l-parteċipazzjoni f’aġir li jikkostitwixxi akkordju fis-sens abitwali ta’ din il-kelma qabel l-10 ta’ Ġunju 2005 l-iktar kmieni;
—
tannulla l-Artikolu 1(2) fl-intier tiegħu jew, jekk ma jiġix annullat fl-intier tiegħu, tannulla l-Artikolu 1(2), sa fejn i) jirrigwarda s-sovrataxxa għas-sigurtà u l-ħlas tal-Kummissjoni u ii) jikkonstata l-parteċipazzjoni f’aġir li jikkostitwixxi akkordju fis-sens abitwali ta’ din il-kelma qabel l-10 ta’ Ġunju 2005 l-iktar kmieni;
—
tannulla l-Artikolu 1(3) u (4) fl-intier tagħhom;
—
fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tilqa’ s-sitt motiv, tannulla l-Artikolu 1(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija intiża li tikkonstata li Cargolux ipparteċipat għal ksur dwar it-traffiku bl-ajru a (jiġifieri minn ajruporti li jinsabu fi Stati Terzi lejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea, fl-Iżlanda jew fin-Norveġja);
—
tannulla l-multa imposta fuq Cargolux fl-Artikolu 3 u, jekk il-Qorti Ġenerali ma tannullahiex fl-intier tagħha, tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-ammont konformememnt mal-ġurisdizzjoni tagħha;
—
tieħu l-miżura neċessarji fir-rigward għall-Artikoli 4 sa fejn dan l-artikolu jirrigwarda lil Cargolux, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni aġixxiet ultra vires billi bbażat ruħha fuq provi dwar rotot u fuq perijodi li ma għandhiex kompetenza dwarhom.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni estendiet indebitament il-kompetenza tagħha billi bbażat ruħha fuq provi preċedenti għal i) l-1 ta’ Mejju 2004 għar-rotot bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi, b) id-19 ta’ Mejju 2005 għal rotot bejn l-Istati Membri taż-ŻEE (mhux membri tal-Unjoni) u l-pajjiżi terzi u ċ) l-1 ta’ Ġunju 2002 għal rotot bejn l-Unjoni u l-Isvizzera, insostenn tal-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot intra-ŻEE.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq tal-forom proċedurali sostanzjali, ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li l-Kummissjoni kisret il-forom proċedurali sostanzjali u d-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti billi ma adottatatx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ġdida.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija żbaljata li tikkonkludi li hija ma adottatx dikjarazzjoni ta’ oġezzjonijiet ġdida qabel ma adottat mill-ġdid id-deċiżjoni kkontestata u li, billi għamlet hekk, hija kisret id-drittijiet ta’ difiża tagħha.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li l-Kummissjoni ma wettqitx l-evalwazzjoni tal-kuntest ekonomiku u legali neċessarju sabiex jiġi kkonstatat validament ksur minħabba l-għan.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dritt u fil-fatt minħabba li l-Kummissjoni ma identifikatx bi preċiżjoni suffiċjenti l-portata u l-parametri tal-allegat ksur tal-Artikolu 101 u ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-estensjoni mhux xierqa tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu toffuska irreparabbilment il-portata, li jfisser li jkun impossibbli li jiġi identifikat il-kontenut.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li l-Kummissjoni ma rnexxiliex tistabilixxi l-asjem ta’ provi affidabbli għall-konklużjonijiet tagħha jew sabiex tipprova suffiċjentement skont il-liġi l-fatti li fuqhom ibbażat il-konstatazzjonijiet tagħha.
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ fatt u evalwazzjonijiet żbaljati tat-tliet elementi kostituttivi (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà u l-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) tal-ksur uniku u kontinwu allegat. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qed tiżbalji meta tuża l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu bħala ksur universali maħsub sabiex jippermettila li tippreżenta kollezzjoni mħallta ta’ fatti u ta’ kuntatti, inkluż aġir legali jew mhux rilevanti, bħala provi.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li l-Kummissjoni qieset lilha nfisha b’mod żbaljat kompetenti fuq allegata koordinazzjoni antikompetittiva għal titjiriet li joriġinaw minn ajruporti li jinsabu f’pajjiż terz li għandhom id-destinazzjoni tagħhom f’ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE u li hija qed twettaq żball ta’ liġi peress li tali attivitajiet ma humiex koperti mill-portata territorjali tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.
7.
Is-seba’ motiv huwa intiż li jitlob eżami mill-ġdid tal-multa skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tiddeterminax korrettament il-valur ta’ bejgħ billi tieħu inkunsiderazzjoni t-titjiriet li jkunu deħlin u li hija tissovravaluta ħafna l-gravità tal-assjem tal-ksur allegat. F’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti, il-Kummissjoni tevalwa ħażin il-gravità u t-tul tal-ksur allegat jew tiċħad, b’mod żbaljat, iċ-ċirkustanzi attenwanti.
Full & Egal Universal Law Academy