31.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 249/44
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ġunju 2017 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-366/17)
(2017/C 249/60)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta’ Marzu 2017 [innotifikata fl-24 ta’ Marzu 2017 bid-dokument C(2017) 1904] dwar ir-rifjut ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali lill-proġett kbir “Tnedija tal-produzzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ muturi dijżil minn Volkswagen Motor Polska”, li jagħmel parti mill-programm operazzjonali “Ekonomija Innovattiva”, sostnut minn għajnuna strutturali fil-kuntest tal-għan “Konverġenza fil-Polonja”;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-proġett “Tnedija tal-produzzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ muturi dijżil minn Volkswagen Motor Polska”, sa fejn ġie deċiż li l-proġett ma huwiex koerenti mal-prijoritajiet tal-programm operazzjonali “Ekonomija Innovattiva” (assi prijoritarja IV ta’ dan il-programm), u li konsegwentement, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25), minħabba nuqqas ta’ innovazzjoni.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 minħabba nuqqas manifest li jiġi osservat it-terminu għall-eżaminazzjoni tal-proġett.
Full & Egal Universal Law Academy