7.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 256/34
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2017 – Qualcomm and Qulacomm Europe vs il-Kummissjoni
(Kawża T-371/17)
(2017/C 256/39)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Qualcomm, Inc. (San Diego, California, l-Istati Uniti), Qualcomm Europe, Inc. (San Diego) (rappreżentanti: M. Pinto de Lemos Fermiano Rato u M. Davilla, avukati)
Konvenuta: il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 2258 finali, tat-31 ta’ Marzu 2017, dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) fil-kawża AT.39711 – Qualcomm (prezzijiet predatorji); u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ neċessità
—
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn mill-għan ristrett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kif iddefinit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (“DO”), fis-seduta, fil-laqgħa ta’ aġġornament u fit-talbiet preċedenti għal informazzjoni (“TI”), kemm fir-rigward tat-tul tal-ksur kif ukoll fir-rigward tat-teoriji potenzjali dwar il-preġudizzju investigati mill-Kummissjoni.
—
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li l-kwistjonijiet ta’ portata konsiderevoli inklużi fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jitqiesu bħala kwistjonijiet addizzjonali li huma maħsuba biss sabiex jinkisbu spjegazzjonijiet inkonnessjoni mal-argumenti li huma ressqu fit-tweġiba għad-DO u matul is-seduta, iżda li dawn kellhom jitqiesu bħala talbiet totalment ġodda u abbużivi.
—
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija intiża li ssegwi ċerti aspetti li jikkonċernaw it-tweġibiet tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni li huma pprovdew, għal xi uħud minnhom, iktar minn ħames snin ilu, u marbuta ma’ fatti li żvolġew għaxar snin ilu jew iktar. Ir-rikorrenti jsostnu li, li kieku l-informazzjoni addizzjonali li issa qiegħda tintalab mill-Kummissjoni kienet verament neċessarja għall-isżvolġiment tal-investigazzjonijiet, huma kienu leġittimament jistennew li l-Kummissjoni tipprova tikseb tali informazzjoni u kjarifiki qabel l-adozzjoni tad-DO f’Diċembru 2015, u mhux fil-bidu tas-sena 2017.
—
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tobblighom li jwettqu kwantità konsiderevoli ta’ xogħol għan-nom tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-ipproċessar tad-data taħt format speċifiku.
—
Fl-aħħar, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax timponi fuqhom, taħt theddida ta’ multi, piż li huwa apparentement maħsub sabiex jippermetti lir-rikorrenti li jipproduċu provi insostenn tal-argumenti li huma ressqu fir-risposta għad-DO.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ propozjonalità
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija maħsuba li tikseb mingħandhom ma hijiex iġġustifikata, hija ta’ portata konsiderevoli u oneruża ħafna sabiex tinġabar u tingħaqad. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tobblighom li jiġbru kwantità kbira ta’ informazzjoni li huma ma jiġbrux u lanqas ma jikkonservaw b’mod sistematiku fl-iżvolġiment normali tal-kummerċ tagħhom kif ukoll li jwettqu kwantità kbira ħafna ta’ xogħol għan-nom tal-Kummissjoni.
—
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-ħlas perjodiku tal-penaltajiet previsti fid-deċiżjoni kkontestata, jekk huma jonqsu milli jipproduċu din l-informazzjoni fit-termini previsti, ma huwiex iġġustifikat, u li t-temrini stabbiliti ma humiex raġjonevoli.
3.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata.
Ir-rikorrenti jsostnu li, f’ċerti istanzi, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi motivazzjoni li ma hijiex tant konvinċenti, li hija oskura, vaga u inadegwata li tonqos milli tiġġustifika t-talba għal informazzjoni eċċessiva u mhux neċessarja li toriġina mill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, f’aspetti oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi l-ebda motivazzjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti jsostnu li ma humiex f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet li abbażi tagħhom l-informazzjoni mitluba hija neċessarja għall-Kummissjoni sabiex tmexxi l-investigazzjoni tagħha.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tikseb inverżjoni mhux dovuta tal-oneru tal-prova
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tikseb inverżjoni tal-oneru tal-prova u, fir-realtà, li “tinkariga” lir-rikorrenti sabiex tibni każ kontrihom. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata tobbliga lir-rikorrenti jivverifikaw, f’isem il-Kummissjoni, id-data tal-kontabbiltà tagħhom, minkejja li l-imsemmija data ġiet ivverifikata bir-reqqa minn kontrolluri esterni. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jikkonfermaw li d-deċiżjoni kkontestata titlobhom jipprovaw li huma mexxew il-kummerċ tagħhom skont il-liġi.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu
—
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tobblighom jipproduċu “informazzjoni” li ma tistax leġittimament titqies bħala li hija kkostitwita minn fatti jew dokumenti, iżda waħda li hija kkostitwita minn kalkoli, dettalji u kodiċi, prezzijiet ipotetiċi u analiżijiet u interpretazzjonijiet ta’ ipoteżijiet passati li jmorru lura diversi snin.
—
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tobblighom juru li huma adottaw miżuri b’mod proattiv sabiex jikkonformaw ruħhom mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
Skont ir-rikorrenti, il-mument tal-adozzjoni, il-kontenut u l-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata jqajmu tħassib serju dwar l-amministrazzjoni żbaljata, il-bażi legali li fuqhom huma bbażati l-investigazzjonijiet, u fastidju u jsostnu l-Kummissjoni qiegħda tabbuża mill-poteri wiesa’ ta’ investigazzjoni sabiex taħbi l-falliment tagħha li tistabbilixxi l-allegat ksur wara investigazzjoni ta’ iktar minn seba’ snin.
Full & Egal Universal Law Academy