21.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 277/48
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ġunju 2017 – SQ vs BEI
(Kawża T-377/17)
(2017/C 277/70)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: SQ (rappreżentanti: N. Cambonie u P. Walter, avukati)
Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment
Talbiet
—
tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-President ikkonkluda b’mod żbaljat, l-ewwel nett li l-prattiċi implementati mid-Direttur tal-Komunikazzjoni kontra r-rikorrenti, li huma msemmija fil-punti 20 sa 24, 25, 31, 34, 46, 50 u 51 tar-rapport, ma kienux jikkostitwixxu prattiċi ta’ fastidju psikoloġiku, it-tieni nett, li ma kienx hemm lok li tinfetaħ il-proċedura dixxilplinari kontra l-imsemmi Direttur u, it-tielet nett, li d-deċiżjoni kkontestata li tikkonstata li r-rikorrenti kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku għandha tibqa’ strettament kunfidenzjali;
—
tikkundanna lill-BEI jikkumpensaha, minħabba, l-ewwel nett, id-dannu morali li sofriet bħala konsegwenza tal-prattiċi ta’ fastidju psikoloġiku tad-Direttur tal-Komunikazzjoni kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata u sabiex tingħatalha għalhekk is-somma ta’ EUR 121 992 (mija u wieħed u għoxrin elf disa’ mija u tnejn u disgħin), it-tieni nett, id-dannu morali li sofriet u li ma huwiex separabbli mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u sabiex tingħatalha għalhekk is-somma ta’ EUR 25 000 (ħamsa u għoxrin elf) u, it-tielet nett, id-dannu morali li jirriżulta, minn naħa, mill-ksur mid-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-indipendenza tal-proċedura ta’ sinjalament immexxija mid-Direttur tal-Konformità u, min-naħa l-oħra, mill-att ta’ intimidazzjoni jew ta’ theddid ta’ ritaljazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal kontra r-rikorrenti u sabiex tingħatalha għalhekk is-somma ta’ EUR 25 000 (ħamsa u għoxrin elf);
—
tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazjoni fil-kwalifikazzjoni ta’ ċerti prattiċi kkritikati mir-rikorrenti li hija vvizzjata bihom id-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tal-20 ta’ Marzu 2017 (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet:
—
L-ewwel parti, bbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni li l-atti ta’ fastidju psikoloġiku għandhom ikunu repetitivi;
—
It-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li tirriżulta mill-fatt li ċerti prattiċi kkritikati kienu oġġettivament ta’ natura li jimminaw il-kunfidenza personali u l-istima personali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji marbuta mal-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, u li huwa magħmul minn żewġ partijiet;
—
L-ewwel parti, imqajjma, prinċipalment, ibbażata fuq żball ta’ dritt;
—
It-tieni parti, imqajjma sussidjarjament, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u/jew ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta’ dritt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu impost fuq ir-rikorrenti li żżomm kunfidenzjali d-deċiżjoni kkontestata skont liema hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tad-Direttur tal-Komunikazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy