4.9.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 293/38
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2017 – UF vs EPSO
(Kawża T-422/17)
(2017/C 293/48)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Partijiet
Rikorrent: UF (rappreżentant: L. Gudaitė, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tal-4 ta’ April 2017 sabiex ir-rikorrent jiġi eskluż mill-kompetizzjoni tal-ġuristi lingwisti tal-lingwa Litwana EPSO/AD/335/16;
—
tobbliga lill-konvenut jawtorizza lir-rikorrent jikkoreġi żball manifest, bit-tibdil tal-livell ta’ għarfien tal-lingwa Pollakka minn B1 għal C1;
—
tintegra mill-ġdid lir-rikorrent fil-kompetizzjoni tal-ġuristi lingwisti tal-lingwa Litwana.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent u qarraq bih meta kkonferma li l-kandidatura tiegħu għall-kompetizzjoni kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha.
—
Ir-rikorrent isostni li l-konvenut, wara li kkonferma fid-9 ta’ Jannar 2017 li l-kandidatura tiegħu kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-avviż ta’ kompetizzjoni u wara li ġie awtorizzat jipparteċipa fit-testijiet fuq il-kompjuter, qarraq bih u ma tahx il-possibbiltà li jikkoreġi żball manifest tal-pinna relatat mal-livell ta’ għarfien tiegħu tal-lingwa Pollakka, li minħabba fih huwa ġie sussegwentement eskluż mill-kompetizzjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser id-drittijiet u l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent meta eskludieh mill-kompetizzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ ġuristi lingwisti tal-lingwa Litwana.
—
Ir-rikorrent isostni li, bid-deċiżjoni tal-4 ta’ April 2017, il-konvenut eskludieh mill-kompetizzjoni b'mod mhux iġġustifikat, fuq il-bażi tal-livell ta’ għarfien tal-lingwa Pollakka li huwa kien indika fil-formola ta’ applikazzjoni tiegħu, peress li l-konvenut kien fil-fatt konxju tal-livell veru tiegħu ta’ għarfien tal-lingwa Pollakka abbażi ta’ informazzjoni mogħtija għall-kandidatura tiegħu għal kompetizzjoni oħra (EPSO/AD/328/16) u abbażi tar-riżultati miksuba f’din il-kompetizzjoni. Ir-rikorrent isostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Għażla għandu d-dmir li jevalwa, każ b’każ, jekk id-diplomi pprovduti jew l-esperjenza professjonali ta’ kull kandidat ġewx evalwati b’mod xieraq, u d-deċiżjoni tiegħu li jeskludi kandidat mill-kompetizzjoni titqies bħala att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
Full & Egal Universal Law Academy