11.9.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 300/31
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Lulju 2017 – Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-423/17)
(2017/C 300/39)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Nexans France (Courbevoie, Franza) u Nexans (Courbevoie) (rappreżentanti: M. Powell u A. Rogers, Solicitors, u G. Forwood, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni C(2017) 3051 finali tat-2 ta’ Mejju 2017 dwar talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Nexans France u Nexans skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ AT.39610 – Kejbils tal-elettriku) sa fejn hija tiċħad it-talbiet għal kunfidenzjalità tar-rikorrenti fir-rigward tal-informazzjoni li huma jsostnu, fil-Kawża T-449/14, li nkisbet illegalment (it-talbiet magħrufa bħala “Kategorija I”), u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tat-talba tar-rikorrenti skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695: l-ewwel nett, billi kkonkludiet li parti mill-informazzjoni kontenzjuża kienet diġà magħrufa minn iktar minn numru limitat ta’ persuni; it-tieni nett, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva; u t-tielet nett, billi kkonkludiet li l-interessi tar-rikorrenti ma jixirqilhomx protezzjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, peress li l-legalità tal-metodu li bih l-informazzjoni kontenzjuża nkisbet qed tiġi kkontestata fil-Kawża T-449/14, li għadha pendenti. Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża ċċaħħad kull annullament f’dik il-kawża mill-effett sħiħ tagħha.