23.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 357/15
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2017 – TK vs Il-Parlament
(Kawża T-446/17)
(2017/C 357/19)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: TK (rappreżentant: L. Levi, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
konsegwentement:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, tas-26 ta’ Awwissu 2016, li tiċħad it-talbiet tar-rikorrent tat-28 ta’ April 2016;
—
sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2017, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent tal-25 ta’ Novembru 2016;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-danni, bħala kumpens għad-dannu morali tar-rikorrent evalwat ex aequo et bono għal EUR 25 000;
—
tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tas-26 ta’ April 2017, li tiċħad l-ilment tas-16 ta’ Jannar 2017 sa fejn din ma kkumpensatx id-dannu morali tar-rikorrent u tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-danni, bħala kumpens għad-dannu morali tar-rikorrent evalwat ex aequo et bono għal EUR 25 000;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi prinċipali.
1.
L-ewwel motiv, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Awwissu 2016 u tal-5 ta’ April 2017 u magħmul minn tliet partijiet:
—
f’dak li jikkonċerna t-talba għal annullament tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ewwel talba tat-28 ta’ April 2016, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, il-ksur tal-Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-ksur tad-dmir ta’ premura;
—
f’dak li jikkonċerna t-talba għal annullament tad-deċiżjonijiet li jiċħdu t-tieni talba tat-28 ta’ April 2016, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta;
—
f’dak li jikkonċerna t-talba għad-danni, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjonijiet ikkawżawlu dannu morali li ma jistax jiġi kkumpensat permezz tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
2.
It-tieni motiv, fir-rigward tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2017, ibbażat fuq [il-ksur ta’] l-Artikolu 41 tal-Karta li twettaq mill-konvenut, kif ukoll tad-dmir ta’ motivazzjoni tiegħu u d-dmir ta’ premura tiegħu, sa fejn dan tal-aħħar isostni li d-deċiżjoni li r-rikorrent ikkontesta permezz ta’ lment ġiet annullata u ttieħdet deċiżjoni saiex tinfetaħ investigazzjoni, u sa fejn minn dan huwa jikkonkludi li ma kienx hemm lok li t-talba għad-danni tiegħu tintlaqa’. Ir-rikorrent iqis ukoll li huwa wera li sostna dannu diviżibbli li ma jistax jiġi kkumpensat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Skont dan, għaldaqstant, huwa l-konvenut li kellu mhux biss jannulla d-deċiżjoni kkawżata mill-ilment iżda wkoll li jikkumpensa dan id-dannu.