16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/27
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2017 – Bowles vs BĊE
(Kawża T-447/17)
(2017/C 347/36)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Carlos Bowles (Frankfurt-am-Main, il-Ġermanja) (rappreżentant: L. Levi, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
—
konsegwentement,
—
tannulla d-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2017, ikkomunikata lill-persunal fl-1 ta’ Frar 2017, li [X] jinħatar fil-kariga ta’ konsulent tal-President u koordinatur tal-Kunsill tal-Bord Eżekuttiv, tannulla d-deċiżjoni li r-rikorrent ma jinħatarx f’din il-kariga u tannulla d-deċiżjoni li ma ppermettietx lir-rikorrent japplika għal din il-kariga.
—
tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors speċjali tas-16 ta’ Mejju 2017 u riċevuta fit-23 ta’ Mejju 2017;
—
tordna l-kumpens għad-dannu materjali tar-rikorrent li jikkonsisti fit-telf ta’ opportunità li jinħatar fil-kariga ta’ konsulent tal-President u koordinatur tal-Kunsill tal-Bord Eżekuttiv;
—
tordna l-kumpens għad-dannu morali tar-rikorrent evalwat ex aequo et bono għal EUR 1 simboliku;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ pubbliċità, ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll tal-Artikoli 20.2 tar-Regoli ta’ Proċedura, 8(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u 1a.1.1 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal u tal-Artikoli 2 u 3 TUE u 20 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis li hu ma kellux il-possibbiltà li japplika għall-pożizzjoni ta’ konsulent tal-President u koordinatur tal-Kunsill tal-Bord Eżekuttiv, filwaqt li [X] ingħata din il-possibbiltà.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1a.7 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal, sa fejn tali bażi legali tippermetti biss il-ħatra ta’ kandidat għall-kariga ta’ konsulent ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv u mhux dik ta’ kandidat għal pożizzjoni ta’ konsulent tal-President u ta’ koordinatur tal-Kunsill tal-Bord Eżekuttiv, liema ħatra żżid anki responsabbiltajiet korrispondenti ta’ livell superjuri għal dawk ta’ konsulent.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni ġdida u dwar il-modifika tal-livell tal-pożizzjoni ta’ koordinatur, li saret bi ksur tal-Artikoli 48 u 49 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u tal-Memorandum ta’ Qbil.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba l-assenza ta’ deskrizzjoni ta’ impjieg għall-pożizzjoni ta’ konsulent tal-President u koordinatur tal-Kunsill tal-Bord Eżekuttiv.