16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/28
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2017 – TL vs KEPD
(Kawża T-452/17)
(2017/C 347/37)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: TL (rappreżentanti: T. Léonard u M. Cock, avukati)
Konvenut: Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Talbiet
—
tikkonstata li, billi ċaħdet l-ilment għar-raġuni li dan huwa talba għal reviżjoni u billi ma weġbitx għall-argumenti tal-parti li għamlet l-ilment, id-Deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), tas-16 ta’ Mejju 2017, li tiċħad it-talba għall-anonimizzazzjoni tas-sentenza [kunfidenzjali] (1) u tas-siti tal-internet li jinkludu data personali, tikser:
—
l-Artikolu 46(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102) u l-Artikoli 33 u 34(1) tad-Deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data 2013/504/UE, tas-17 ta’ Diċembru 2012, dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura (ĠU 2013, L 273, p. 41), adottati b’eżekuzzjoni tal-imsemmi Artikolu 46(a), li jagħti lill-KEPD il-kompitu li jeżamina l-ilmenti u li jinforma lill-persuna kkonċernata bir-riżultati tal-eżami tiegħu;
—
l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jimponi obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni fuq l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni;
—
tikkonstata li, billi qieset lill-KEPD inkompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tal-ilment tar-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 46(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
konsegwentement:
—
tiddikjara d-deċiżjoni kkontestata nulla u bla effett;
—
tikkundanna lill-KEPD għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ tweġiba mill-KEPD għall-ilment imressaq quddiemu mir-rikorrent. Billi ċaħdet l-ilment għar-raġuni li dan kien jikkonsisti f’talba għal reviżjoni u billi ma weġbitx għall-argumenti mqajma mir-rikorrent insostenn tat-talba għall-anonimizzazzjoni tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 46(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, li jagħti lill-KEPD il-kompitu li jeżamina l-ilmenti u li jinforma lill-persuna kkonċernata bir-riżultati tal-eżami tiegħu, kif ukoll l-Artikoli 33 u 34(1) tad-Deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data 2013/504/UE, tas-17 ta’ Diċembru 2012, dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura, adottati b’eżekuzzjoni tal-imsemmi Artikolu 46(a), li permezz tagħhom il-KEPD jitratta l-ilmenti u jinforma lil min jagħmel l-ilment bid-deċiżjoni dwar l-ilment u bl-azzjoni meħuda. Skont ir-rikorrent, il-KEPD ma ttrattax l-ilment peress li kklassifikah b’mod żbaljat bħala talba għal reviżjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jimponi obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni fuq l-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 46(c) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-KEPD qies b’mod żbaljat li kien inkompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tal-ilment tar-rikorrent.
(1) Data kunfidenzjali ommessa.