2.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 330/11
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2017 – “Pro NGO!” vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-454/17)
(2017/C 330/13)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti:“Pro NGO!” (Non-Governmental-Organisations/Nicht-Regierungs-Organisationen) e.V. (Köln, il-Ġermanja) (rappreżentant: M. Scheid, Rechtsanwalt)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ARES (2017) 2484833 tas-16 ta’ Mejju 2017, u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv: konstatazzjoni inkompleta tal-fatti rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni
—
Ir-rikorrenti targumenta li l-konvenuta la ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awditur estern, Ernst & Young, kien sussegwentement ikkoreġa l-konstatazzjoni oriġinali tiegħu u lanqas il-fatt li l-koordinatriċi tal-proġett kienet ippreċiżat li kienet ippreżentat id-dokumenti hija stess.
2.
It-tieni motiv: evalwazzjoni tal-fatt li tinsab f’kontradizzjoni ma’ rapporti oħra
—
Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li l-konvenuta għamlet evalwazzjoni żbaljata meta qieset li l-aġir tar-rikorrenti ma kienx konformi mal-kuntratt, evalwazzjoni li tinsab f’kontradizzjoni mal-konklużjonijiet tal-Final Audit Report u mar-rapport tal-OLAF.
3.
It-tielet motiv: ksur tad-dritt għal smigħ
—
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li kien biss diversi snin wara l-ftuħ tal-proċedura li hija ngħatat il-possibbiltà tikkonsulta ċerti dokumenti determinanti, li madankollu kienu magħmula parzjalment kunfidenzjali.
—
Skont ir-rikorrenti, hija ma hija suġġetta għall-ebda obbligu legali li twettaq sejħiet għal offerti jew li tosserva b’mod konkret ir-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-kuntest tal-proġett.
—
Ir-rikorrenti tqis ukoll li hija ma għandhiex tassumi responsabbiltà għall-azzjonijiet tas-sieħeb tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dan il-proġett.