11.9.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 300/36
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2017 –Bateni vs Il-Kunsill
(Kawża T-455/17)
(2017/C 300/45)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: Naser Bateni (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Schlingmann u M. Bever, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
1.
tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kunsill, tħallas lir-rikorrent l-ammont ta’ EUR 250 000 00 bħala kumpens għal dannu morali li ġarrab ir-rikorrent minħabba:
—
inklużjoni fit-Tabella III tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71) u inklużjoni fit-Tabella III tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 961/2010 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11);
—
inklużjoni fit-Tabella III tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1);
—
inklużjoni fit-Tabella III tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 18) u fit-Tabella III tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 3)
2.
tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kunsill, tħallas interessi moratorji ta’ żewġ punti perċentwali fuq ir-rata ta’ interess tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament b’effett mill-24 ta’ Marzu 2017 sakemm titħallas is-somma sħiħa li hemm riferiment għaliha fil-paragrafu 1;
3.
tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kunsill, għall-ispejjeż tal-proċedura, b’mod partikolari dawk sostnuti mir-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed.
1.
L-ewwel motiv: permezz tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, il-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet protettivi kontra r-rikorrent b’mod sinjifikattiv. Minħabba dan, ir-rikorrent ġarrab dannu morali sinjifikattiv, li għandu jiġi kkumpensat.
—
Ir-rikorrent ippreżenta b’suċċess rikors għal annullament kontra l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ sanzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali annullat l-atti legali msemmija iktar ’il fuq permezz tas-sentenzi definittivi tas-6 ta’ Settembru 2013 fil-Kawżi T-42/12 u T-181/12 u tas-16 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-45/14, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill ma kien stabbilixxa ebda raġuni li setgħet tiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tas-sanzjonijiet u għalhekk wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u aġixxa b’mod negliġenti.
—
Skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Novembru 2014 fil-Kawża T-384/11, Safa Nicu Sepahan Co. vs Il-Kunsill, li fil-frattemp ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Kawża C-45/15), hemm ksur serju kemm tad-dispożizzjonijiet protettivi u sostantivi tal-individwu kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
—
L-annullament tal-atti legali inkwistjoni ma jikkostitwixxix kumpens suffiċjenti. Il-konsegwenzi soċjali, professjonali u privati estensivi tal-applikazzjoni żbaljata tal-isem tar-rikorrent matul is-snin jistgħu biss jiġu rrimedjati permezz tal-ħlas ta’ kumpens.