16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/30
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Lulju 2017 – Shindler et vs Il-Kunsill
(Kawża T-458/17)
(2017/C 347/39)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Harry Shindler (Porto d’Ascoli, l-Italja) u tnax-il rikorrent ieħor (rappreżentant: J. Fouchet, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni (UE, Euratom), XT 21012/17, flimkien mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni XT 20106/17, ADD 1 REV 2, adottati fit-22 ta’ Mejju 2017, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-irtirar ta’ dan tal-aħħar mill-Unjoni Ewropea;
—
konsegwentement,
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi l-ispejjeż tal-avukat sas-somma ta’ EUR 5 000;
—
mingħajr riżervi oħra u b’mod partikolarli għal SCP CORNILLE-POUYANNE, Avocats au Barreau de Bordeaux, tippreżenta l-osservazzjonijiet kollha utli għas-seduta stabbilita mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità esterna tad-Deċiżjoni (UE, Euratom), XT 21016/17, flimkien mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni XT 20106/17, ADD 1 REV 2, adottati fit-22 ta’ Mejju 2017, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-irtirar ta’ dan tal-aħħar mill-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet:
—
L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tat-Trattat Euratom sa fejn id-deċiżjoni kkontestata u l-anness tagħha jipprevedu l-irtirar awtomatiku tar-Renju Unit mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika flimkien mal-irtirar mill-Unjoni mingħajr proċedura ta’ rtirar u ta’ negozjati distinta.
—
It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri sa fejn id-deċiżjoni kkontestata u l-anness tagħha jagħtu lill-Unjoni kompetenza orizzontali eċċezzjonali sabiex tagħti bidu għan-negozjati tal-ftehim tal-irtirar tar-Renju Unit u jeskludu l-possibbiltà li dan il-ftehim ikun imħallat, b’mod li ma hija prevista ebda ratifika mill-Istati Membri tal-ftehim finali.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità interna tad-deċiżjoni kkontestata u huwa maqsum fi tliet partijiet:
—
L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza sa fejn, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata u l-anness tagħha, il-konvenuta rrikonoxxiet proċedura ta’ rtirar mingħajr ma ċ-ċittadini Ewropej espatrijati ma setgħu jesprimu ruħhom fir-rigward tat-telf possibbli taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom. Għaldaqstant, kien hemm ksur tad-dritt għal smigħ u għoti ta’ opinjoni permezz ta’ vot f’elezzjoni ta’ portata Ewropea. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tivvalida l-eżistenza ta’ kategorija ta’ ċittadini tat-tieni klassi, imċaħħda mid-dritt ta’ vot tagħhom għaliex eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, u konsegwentement ma tosservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini. Ir-rikorrenti jqisu li kien hemm diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej ibbażata fuq ir-residenza tagħhom.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 203 TFUE sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi l-irtirar ta’ pajjiżi u territorji extraEwropej (OCTs) Brittaniċi, mingħajr ma l-abitanti tal-OCTs ma setgħu jivvotaw għall-irtirar tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni previst mit-Trattat Ewropew, mingħajr osservanza tal-proċedura speċifika tal-Artikolu 203 TFUE li tikkonċernahom, b’mod li hemm ksur tal-libertà ta’ stabbiliment tal-Artikolu 199 TFUE.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi sa fejn ir-rikorrenti jqisu li l-ftuħ tan-negozjati għall-eżitu inċert tal-ftehim ta’ rtirar ikollu impatt sostanzjali fuq ir-regoli dwar id-drittijiet li dawn tal-aħħar jisiltu miċ-ċittadinanza Ewropea, minkejja li bnew ħajja privata u familjari fi Stat Membru ieħor abbażi tat-tgawdiija tal-libertà ta’ moviment tagħhom. Id-deċiżjoni kkontestata u l-anness tagħha għalhekk ma josservawx ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà tal-istat tad-dritt li huwa imposti mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, u jiksru wkoll il-ħajja privata u familjari.