18.9.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 309/36
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2017 – TP vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-464/17)
(2017/C 309/48)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: TP (rappreżentant: W. Limuti, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla u tirtira d-deċiżjoni kkontestata u tannulla l-atti kollha li jirriżultaw minnha kif ukoll l-atti preparatorji, anki dawk mhux magħrufa, filwaqt li tannulla l-effetti kollha li jirriżultaw minnhom fil-konfront tar-rikorrent u li jaffettwaw l-isfera legali u patrimonjali tiegħu; tordna, minn naħa, li l-kwistjoni tiġi ttrattata b’mod li r-rikorrent ikun jista’ jippreżenta l-argumenti tiegħu wara li jkun irċieva l-informazzjoni meħtieġa u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni l-ġdida tittieħed f’osservanza tal-prinċipji ta’ fiduċja, ta’ legalità u ta’ trasparenza;
—
tilqa’ dan ir-rikors u, konsegwentement, tagħraf id-dannu subit minn dakinhar mill-uffiċjal u, b’mod iktar preċiż, mhux biss id-dannu patrimonjali, iżda wkoll id-dannu mhux patrimonjali (dannu psikoloġiku u fiżiku) kif espost fil-perizja mediko-legali, ippreżentata fil-proċess, li tagħraf tali dannu [ta’ sofferenza] eżistenti ta’ gravità medja kif ukoll problemi ta’ aġġustament b’ansjetà u burdata depressiva ta’ tip kroniku pprovokata minn trawma subita fuq il-post tax-xogħol u kkwantifikata fil-livell ta’ 20 %.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment ippreżentat mir-rikorrent. Permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrent ikkontesta t-tnaqqis magħmul mill-Uffiċċju “tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (Uffiċċju PMO) mis-salarju tiegħu wara sentenza mogħtija mit-Tribunale di Treviso (qorti ta’ Treviso, l-Italja) li ppronunzjat id-divorzju bejn ir-rikorrent u l-ex-konjuġi tiegħu.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi:
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-aġent li jinstema’ u li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrent li jikseb l-informazzjoni rilevanti sabiex ikun jista’ jiddefendi ruħu.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrent li jirċievi komunikazzjoni tal-motivi għalfejn l-informazzjoni rilevanti ma tiġix trażmessa lilu.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1) u, konsegwentement, ksur tad-dritt għall-informazzjoni fuq il-proċedura mibdija kontra r-rikorrent u ksur tal-obbligu li d-deċiżjonijiet jiġu mmotivati.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u, konsegwentement, ksur tad-dritt tar-rikorrent li jiġi difiż u assistit mill-istituzzjoni kontra l-kontestazzjonijiet ta’ persuni oħrajn.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dannu psikoloġiku u fiżiku tar-rikorrent u rabta kawżali bejn l-aġir tal-amministrazzjoni u d-dannu subit.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.