16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/33
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2017 – Barata vs Il-Parlament
(Kawża T-467/17)
(2017/C 347/42)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Carlos Manuel Henriques Barata (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentanti: G. Pandey, D. Rovetta u V. Villante, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla l-atti u d-deċiżjonijiet segwenti, fejn xieraq peress li preċedentement kien ġie ddikkjarat illegali u mhux applikabbli għar-rikorrent l-Avviż ta’ Kompetizzjoni EP/CAST/S/16/2016 (1) taħt l-Artikolu 277 TFUE:
—
id-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2016 tad-Direttur għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani li C. M. H. Barata ma jiġix inkluż fil-lista provviżorja tal-kandidati għal post ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fil-Grupp ta’ Funzjoni I bħala xufier taħt l-hekk imsejjħa proċedura kuntrattwali CAST 2016/2017;
—
id-deċiżjoni mibgħuta permezz ta’ email tat-28 ta’ Novembru 2016 minn INLO DG tal-Parlament sabiex tikkonferma mill-ġdid id-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq li C. M. H. Barata ma jiġix inkluż fil-lista provviżorja tal-kandidati għal post ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fil-Grupp ta’ Funzjoni I bħala xufier taħt l-hekk imsejjħa parametri referenzjali tal-oċedura kuntrattwali CAST 2016/2017;
—
id-deċiżjoni tal-25 ta’ April 2017 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, iffirmata minn Klaus Welle, innotifikata lil C. M. H. Barata permezz ta’ ittra rreġistrata, li ċaħdet l-ilment tar-rikorrent taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, mressaq fid-9 ta’ Jannar 2017;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 296 TFUE li jirriżulta minn żball manifest fl-evalwazzjoni tal-kompetenzi teoretiċi tar-rikorrent u żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti, fid-dawl tan-nuqqas ta’ awtentiċità tal-kwestjonarju li allegatament jikkorrispondi għad-dokument mibgħut mir-rikorrent matul il-kompetizzjoni. L-iżball manifest seħħ bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ superviżjoni mill-Parlament tad-diliġenza dovuta ta’ subkuntrattur fdat bl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet fil-proċeduri tal-għażla tal-CAST 2016. Dan kellu impatt negattiv fuq l-obbligi li jiġu pprovduti raġunijiet suffiċjenti lir-rikorrent.
Ir-rikorrent isostni wkoll ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiv billi ġew miċħuda d-dritt ta’ difiża u d-dritt għal smigħ tiegħu, u għaldaqstant ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll illegalità u inapplikabbiltà tal-Avviż ta’ Kompetizzjoni EP/CAST/S/16/2016.
Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Parlament aġixxa ultra vires meta ddelega l-proċedura tal-għażla lill-Ecole de Maîtrise Automobile (iktar 'il quddiem is-“subkuntrattur”), li ma kinitx marbuta bir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni. Skont ir-rikorrent, dan iwassal għal ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal flimkien mal-Anness III għar-Regolamenti tal-Persunal li jikkonferma l-ksur imsemmi iktar 'il fuq ta’ amministrazzjoni tajba.
Ir-rikorrent isostni wkoll ksur tal-Artikolu 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-aġir tal-Parlament u/jew tas-subkuntrattur u fid-dawl tal-limitazzjoni tal-għażla għat-tieni lingwa għal kandidati li pparteċipaw f’din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ opportunità ugwali kif ukoll ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE u tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal – fir-rigward tan-nuqqas tal-Parlament u tas-subkuntrattur li jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom, flimkien man-nuqqas ta’ superviżjoni fuq dan tal-aħħar. Ir-rikorrent isostni li dan iwassal għal ksur tal-Avviż ta’ Kompetizzjoni EP/CAST/S/16/2016, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.
(1) Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess — Aġenti Kuntrattwali — Grupp Ta’ Funzjoni I — Xufiera (Irġiel/Nisa) — EP/CAST/S/16/2016 (ĠU 2016, C131 A/01)