25.9.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 318/17
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2017 – Rogesa vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-475/17)
(2017/C 318/23)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Rogesa Roheisengesellschaft Saar mbH (Dillingen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u A. Sitzer, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2017 jew, sussidjarjament, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2017, li tirrifjuta t-talba konfermattiva tar-rikorrenti tad-29 ta’ Mejju 2017 (Referenza GestDem No 2017/1788); u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-intitolament għal aċċess għad-dokumenti ġew issodisfatti
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006 (1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 (2), għaliex hija intitolata jkollha aċċess għad-dokumenti li hija talbet.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li ma hemm l-ebda raġuni għal rifjut taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001
—
Ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti mitluba ma jinkludux data li hija kummerċjalment sensittiva fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u li, f’kull każ, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-raġuni għal rifjut skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li jgħid li aċċess għal dokument jista’ jiġi rrifjutat meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji u ta’ pariri legali, lanqas ma tapplika għaliex il-Kawża C-80/16 (ArcelorMittal Atlantique u Lorraine) pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet prattikament konkluża permezz tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017.
—
Ir-rikorrenti żżid ukoll li l-Kummissjoni, f’kull każ, kienet obbligata tagħti aċċess parzjali, jekk meħtieġ billi tneħħi data kunfidenzjali. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għalhekk, tikser ukoll l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 5(4) TUE.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball proċedurali.
—
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ġie miksur. Minkejja żewġ estensjonijiet tat-terminu, l-iktar reċentement għal perijodu indeterminat, l-ebda deċiżjoni ma ttieħdet, sad-data li fiha ġie ppreżentat ir-rikors, dwar it-talba konfermattiva magħmula mir-rikorrenti fid-29 ta’ Mejju 2017. L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi biss il-possibbiltà ta’ estensjoni waħda tat-terminu bi 15-il jum utli u mhux estensjoni għal perijodu indeterminat.
(1) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).