23.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 357/17
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2017 – Arysta LifeScience Netherlands vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-476/17)
(2017/C 357/22)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Arysta LifeScience Netherlands BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: C. Mereu u M. Grunchard, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla r-regolament ikkontestat (1);
—
tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni li: il-konvenuta wettqet sensiela ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni; il-konvenuta ma aġixxietx raġonevolment billi ma tatx importanza suffiċjenti u dovuta lill-fatturi li huma speċifiċi għall-każ uniku ta’ diflubenzuron; il-konvenuta la ħadet inkunsiderazzjoni l-għażla taż-żmien ta’ żewġ proċeduri regolatorji u lanqas id-data ġdida disponibbli; il-konvenuta ma eżaminatx b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi u l-fatturi individwali kollha tal-każ.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża: il-konvenuta ma żguratx li r-rikorrenti setgħet tippreżenta b’mod korrett u effettivament l-opinjonijiet tagħha matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat ġie adottat ultra vires: il-konvenuta aġixxiet ultra vires peress li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), u mhux il-konvenuta, hija l-unika awtorità li hija legalment responsabbli għall-klassifikazzjoni jew għall-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ sustanzi, kif stabbilit fir-Regolament Nru 1272/2008 (2).
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tar-regolament ikkontestat: ir-regolament ikkontestat huwa sproporzjonat peress li l-konvenuta kellha l-possibbiltà tagħżel bejn diversi miżuri u l-għażla tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat li tillimita l-użu ta’ diflubenzuron għal uċuħ tar-raba’ li ma jittieklux tikkawża żvantaġġi eċċessivi meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/855, tat-18 ta’ Mejju 2017, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva diflubenzuron (ĠU 2017, L 128, p. 10).
(2) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1).