2.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 330/14
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2017 – Opere Pie d’Onigo vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-491/17)
(2017/C 330/19)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Istituzione Pubblica di Assistenza e Beneficienza “Opere Pie d’Onigo” (Pederobba, l-Italja) (rappreżentant: G. Maso, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
tannulla, fl-intier tagħha, jiġifieri f’kapi separati, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fis-27 ta’ Marzu 2017 (SA.38825) Għajnuna mill-Istat – Italja, allegata għajnuna mill-Istat lill-fornituri privati tas-servizzi soċjali u mediċi.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE u fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni billi kkunsidrat iġġustifikata l-esklużjoni selettiva tal-entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi soċjali u mediċi, mill-assigurazzjoni tal-maternità INPS (Istituto nazionale di previdenza sociale) u mir-rimbors tal-ħlas għal assenzi tal-impjegati li jassistu lill-familjari li għandhom diżabbiltà serja.
2.
It-tieni motiv, huwa bbażat fuq l-oriġini statali tal-għajnuna, peress li, skont ir-rikorrenti, il-fondi indirizzati sabiex ikopru l-ispejjeż tal-impriżi privati li ġejjin mill-assigurazzjoni ta’ maternità u mill-ħlasijiet għall-assenzi tal-impjegati li jassistu lill-familjari li għandhom diżabbiltà serja jitħallsu mill-INPS u, għaldaqstant, mill-Gvern Taljan permezz ta’ riżorsi tal-Istat.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li skont ir-rikorrenti, dawn il-miżuri jiffavorixxu l-impriżi privati li jagħtuhom vantaġġ fuq l-entitajiet pubbliċi li jipprovdu l-istess servizzi li għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż kollha marbuta mal-perijodi ta’ assenza għall-maternità u assistenza lil familjari li għandhom diżabbiltà serja, b’riperkussjonijiet finanzjarji sinjifikattivi.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li skont ir-rikorrenti, il-miżuri kkontestati għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li jagħtu vantaġġ lill-gruppi multinazzjonali u lill-impriżi Taljani li għandhom kapital barrani, li jinvestu bl-iskop ta’ lukru fl-Italja u li jippenalizaw min-naħa l-oħra l-entitajiet pubbliċi li jkunu iżgħar u li joperaw mingħajr skop ta’ lukru, u b’hekk tinbidel l-istruttura tal-ispejjeż tax-xogħol.