25.9.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 318/22
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2017 – Iccrea Banca vs Il-Kummissjoni u SRB
(Kawża T-494/17)
(2017/C 318/29)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: P. Messina, F. Isgrò u A. Dentoni Litta, avukati)
Konvenuti: Il-Kummissjoni u Comitato di risoluzione unico
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/ES/SRF/2016/06 tal-15 ta’ April 2016 kif ukoll id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni li abbażi tagħhom il-Banca d’Italia (il-Bank Ċentrali tal-Italja) addotta d-deċiżjonijiet li ġejjin: Nru 1547337/16 tad-29 ta’ Diċembru 2016, Nru 0333162/17 tal-14 ta’ Marzu 2017, Nru 0334520/17 tal-14 ta’ Marzu 2017, Nru 1249264/15 tal-24 ta’ Novembru 2015 u Nru 1262091/15 tas-26 ta’ Novembru 2015;
—
tikkumpensa lil Iccrea Banca għad-dannu li ġie kkawżat mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ ffissar tal-kontribuzzjonijiet dovuti mir-rikorrent, dannu li jikkonsisti fl-ikbar ħlasijiet sostnuti minn Iccrea Banca;
—
sussidjarjament, jekk ma jiġux milqugħa t-talbiet ta’ hawn fuq, tiddikjara l-Artikolu 5(1)(a) u (f) [tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63] (jew, fejn xieraq, dak ir-regolament kollu) invalidu minħabba ksur tal-prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità;
—
fil-każijiet kollha, tikkundana lill- Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ibati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/ES/SRF/2016/06 tal-15 ta’ April 2016 kif ukoll id-deċiżjonijiet l-oħra kollha tal- Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni li abbażi tagħhom il-Banca d’Italia (il-Bank Ċentrali tal-Italja) adotta d-deċiżjonijiet li jimponu l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjonijiet, tal-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza, tal-ksur u tal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 15 TFUE kif ukoll tal-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.
—
Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li huwa qatt ma kien f’qagħda li jieħu konjizzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u lanqas li jifhem x’rwol kellu l-Banca d’Italia (il-Bank Ċentrali tal-Italja) fl-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
2.
It-tieni motiv, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ istruttorja, ta’ żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, tal-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5[(1)](a) tar-Regolament Nru 2015/63 (1) kif ukoll tal-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u tal-amministrazzjoni tajba
—
Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għamel applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5[(1)](a) tar-Regolament Nru 2015/63 billi wettaq il-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet dovuti mir-rikorrent, minħabba li ma qiesx l-applikazzjoni tal-passiv fi ħdan il-grupp.
3.
It-tielet motiv, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ istruttorja, tal-iżball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, tal-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5[(1)](f) tar-Regolament Nru 2015/63 kif ukoll tal-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u tal-amministrazzjoni tajba
—
Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni applika b’mod żbljat l-Artikolu 5[(1)](f) tar-Regolament Nru 2015/63 billi ħoloq sitwazzjoni ta’ kontabbiltà doppja.
4.
Ir-raba’ motiv, huwa bbażat fuq l-illegalità tal-aġir ta’ organu tal-Unjoni dwar talba [bbażata fuq] ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, skont l-Artikolu 268 TFUE.
—
Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li l-aġir tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni iressaq l-elementi kollha dejjem meħtieġa mill-ġurisprudenza Ewropea sabiex iressaq din it-talba, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ilmentat mill-istituzzjonijiet, dannu effettiv u rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat, sussidjarjament u b’mod inċidentali, tal-ksur tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ekwivalenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jirriżultaw fl-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 2015/63.
—
Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li l-eventwali kuntrarjetà bejn l-imsemmi regolament u s-sitwazzjoni tar-rikorrent tikser il-prinċipji ta’ hawn fuq billi, minn naħa, li persuni li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni ta’ fatt ta’ Iccrea jiġu suġġetti għal eżenzjonijiet ta’ kontribuzzjonijiet, fatt li jiggrava illegalment is-sitwazzjoni tar-rikorrentu li għandu bħala konsegwenza li s-sitwazzjonijiet analogi jkollhom jiġu ttrattati b’mod differenti.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15 TFUE dwar l-impossibbiltà għar-rikorrent li jieħu konjizzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u rikjesta li jiġu prodotti.
—
Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li huwa għadu ma tqiegħedx f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tad-deċiżjonijiet dwar is-snin 2015, 2016 u 2017 li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tiegħu, aġir li jikser b’mod ċar l-Artikolu 15 TFUE u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, organi u organiżmi tal-Unjoni, ikun xi jkun il-medium tagħhom.
(1) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44).