2.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 330/15
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2017 – Sánchez del Valle u Calatrava Real State 2015 vs Il-Kummissjoni u SRB
(Kawża T-497/17)
(2017/C 330/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Manuel Alfonso Sánchez del Valle (Madrid, Spanja) u Calatrava Real State 2015, SL (Madrid) (rappreżentanti: B. Gutiérrez de la Roza Pérez, P. Rubio Escobar, R. Ruiz de la Torre Esporrín u B. Fernández García, avukati)
Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2017 li biha ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni rigward l-istituzzjoni Banco Popular Español S.A.;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246, tas-7 ta’ Ġunju 2017, li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A.;
—
tikkundanna għall-ispejjeż lill-konvenuta u lill-intervenjenti li jsostnu totalment jew parzjalment it-talbiet tagħha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħdax-il motiv.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata, li jinvolvi ksur tal-Artikoli 41(2) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2014, talli ma saritx evalwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular minn persuna indipendenti qabel id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.
3.
Ksur tal-Artikolu 18(1)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2014, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jaqblu mar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular meta, fis-6 ta’ Ġunju 2017, dan il-bank ma kellu l-ebda problema ta’ solvenza u l-problemi ta’ likwidità tiegħu kienu temporanji.
4.
Ksur tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jaqblu mar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, meta kien hemm prospetti raġonevoli li mezzi oħra mis-settur privat setgħu jipprevjenu n-nuqqas tiegħu fi żmien raġonevoli.
5.
Ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, għaliex ma sar l-ebda tentattiv sabiex l-ispiża tar-riżoluzzjoni tinżamm għall-minimu u sabiex tiġi evitata l-qirda tal-valur li ma kinitx neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni.
6.
Ksur tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, għaliex ma ġewx imwieżna d-deċiżjonijiet ikkontestati u għaliex ġew adottati għodda ta’ riżoluzzjoni differenti minn dawk tal-bejgħ tan-negozju, previst mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, b’mod konformi mal-fatturi msemmija fil-paragrafu 3.
7.
Ksur tal-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, sa fejn l-azzjonisti għandhom jirċievu iktar minn dak li kieku jirċievu fil-każ ta’ insolvenza.
8.
Ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.
9.
Ksur tad-dritt għall-proprjetà u, konsegwentement, tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
10.
Ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, peress li l-azzjonisti ma setgħux jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom.
11.
Ksur tad-dritt tal-azzjonisti u ta’ detenturi oħra ta’ sigurtajiet inklużi fl-ambitu tat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tal-miżura individwali, li taffettwahom b’mod negattiv, ta’ tniżżil fil-valur tal-attiv tagħhom.