16.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/43
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2017 – Abdulkarim vs Il-Kunsill
(Kawża T-559/17)
(2017/C 347/57)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Mouhamad Wael Abdulkarim (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: J.-P. Buyle u L. Cloquet, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/917, tad-29 ta’ Mejju 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent;
—
tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/907, tad-29 ta’ Mejju 2017, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha tal-kawża, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti allegatament imwettaq mill-konvenut meta qies li r-rikorrent kien ikkontribwixxa biex jappoġġja r-reġim Sirjan. Għalhekk, l-argumenti li ġejjin huma mressqa kontra dak li ġie deċiż fl-atti kkontestati:
—
M. A. Abdulkarim ma jistax jiġi kklassifikat bħala “negozjant influwenti”;
—
Huwa ma huwiex marbut mar-reġim, ma jeżerċità ebda influwenza fuq dan ir-reġim u ma huwa sors ta’ ebda riskju reali għall-evitar tal-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;
—
L-involviment, fl-imgħoddi, ta’ dan tal-aħħar fi ħdan Alkarim For Trade and Industry L.L.C. jew fi ħdan kumpanniji oħra attivi fis-settur taż-żejt, taż-żejt industrijali, tal-lubrikanti u tal-griż fil-Lvant Nofsani lanqas ma jista’ jgħati lok għall-konsegwenza li huwa jiġi kklassifikat bħala “negozjant importanti”;
—
Huwa ma huwiex residenti fis-Sirja u b’konsegwenza ta’ dan ma jeżerċitax attivitajiet hemmhekk.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, sa fejn l-effetti tal-miżuri adottati bl-atti kkontestati huma tali li għandhom jiġu kkunsidrati bħala sproporzjonati fihom innifishom.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt li jeżerċita attività professjonali, sa fejn il-konsegwenza tal-miżuri kkontestati hija li r-rikorrent jiġi prekluż milli jgawdi fil-paċi l-assi u l-libertà ekonomika tiegħu.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, sa fejn l-atti kkontestati ġew adottati sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati, jiġifieri li r-rikorrent jiġi eskluż mis-suq sabiex jiġu ffavoriti operaturi oħraf’dan is-suq u għalhekk huma vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija fil-fatt purament formali u x’aktarx ma kinitx is-suġġett ta’ riflessjoni min-naħa tal-konvenut.