30.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 369/30
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2017 – Fortischem vs Il-Parlament u L-Kunsill
(Kawża T-560/17)
(2017/C 369/42)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Fortischem a.s. (Nováky, l-Islovakja) (rappreżentanti: C. Arhold, P. Hodál u M. Staroň, avukati)
Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u L-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-ittra (d) tal-Parti I, tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2017, dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (1); u
—
taġġudika l-ispejjeż tal-kawża favur ir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-dispożizzjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex tikser il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi billi ċċaħħad lill-operaturi ta’ siti ta’ produzzjoni ta’ ċelloli tal-merkurju mill-possibbilità li huma għandhom li jirċievu estensjoni talli kkonformaw ruħhom mal-aqwa tekniki disponibbli jekk ir-rekwiżiti previsti fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), ikunu sodisfatti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-dispożizzjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi (i) tistabbilixxi terminu fiss għall-eliminazzjoni gradwali tal-produzzjoni taċ-ċelloli tal-merkurju li huwa ħafna iktar bikri mit-terminu li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni internazzjonali applikabbli dwar il-merkurju, mingħajr ma tipprevedi, minn tal-inqas, il-possibbiltà li jingħataw estensjonijiet/eżenzjonijiet f’każijiet speċifiċi, (ii) tippromwovi leġiżlazzjoni li ma tistax tipprovdi xi benefiċċji ambjentali sinjifikattivi għall-pubbliku inġenerali iżda fl-istess ħin tikkawża żvantaġġi sinjifikattivi għall-operaturi ekonomiċi, u (iii) tinjora leġiżlazzjoni eżistenti li diġà tipprevedi regoli ċari għall-eliminazzjoni gradwali u għal estensjonijiet/eżenzjonijiet u tonqos milli tipprevedi klawżoli tagħha stess dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-dispożizzjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex din ser tikkawża telf għan-negozju tar-rikorrenti li jammonta għal ksur tad-dritt fundamentali għal proprjetà taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet tad-dispożizzjoni kkontestata u jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi.
(1) Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2017, dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU 2017, L 137, p. 1)