Kawża T-580/17: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2017 – Karp vs Il-Parlament
C4122017MT3220120170824MT0047322332
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2017 – Karp vs Il-Parlament
(Kawża T-580/17)2017/C 412/47Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Kevin Karp (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: N. Lambers u R. Ben Ammar, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità mogħtija s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg għall-grupp EFDD fi ħdan il-Parlament Ewropew li kklassifikat lir-rikorrenti fil-grupp ta’ funzjonijiet II, grad 4, skala 1, filwaqt li tafdah b’kompiti konsultattivi konsistenti mal-funzjoni ta’ kategorija ta’ remunerazzjoni tal-grupp IV sat-tmiem tal-kuntratt tal-impjieg tiegħu fil-11 ta’ Novembru 2016;
—
tordna l-ħlas lir-rikorrent ta’ kumpens għad-danni materjali u morali allegatament subiti minnu, inklużi danni għal allegat telf ta’ opportunità li jiġi rreklutat wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv jallega ksur tal-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
—
Ir-rikorrent jallega li ngħata skala salarjali korrispondenti għall-grupp ta’ funzjonijiet I għall-ewwel kuntratt tiegħu u fil-qiegħ tal-grad għall-grupp ta’ funzjonijiet II għat-tieni kuntratt ta’ impjieg li ġie propost lilu, filwaqt li l-maġġoranza kbira tal-kompiti fdati lilu fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni kuntratt ta’ impjieg tiegħu kienu kompiti amministrattivi u konsultattivi.
2.
It-tieni motiv, jallega ksur tal-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
—
L-Artikolu 82 tar-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jiġi impjegat fil-grupp ta’ funzjonijiet IV jekk huwa jkun jista’ jagħti prova ta’ livell ta’ edukazzjoni li jikkorrospondi ma’ studji universitarji konklużi ta’ mill-anqas tliet snin iċċertifikat b’diploma jew taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti. Ir-rikorrent issodisfa dawn il-kriterji u l-kategorija salarjali tiegħu kellha tiġi aġġustata b’mod korrispondenti.
3.
It-tielet motiv, jallega abbuż ta’ drittijiet li jirriżulta minn użu suċċessiv ta’ kuntratti xogħol għal żmien determinat
—
Ir-rikorrent jallega abbuż ta’ drittijiet mill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla ta’ kuntratti proposti lilu u, speċjalment, fid-deċiżjoni tagħha li ma ġġeddidtx il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu jew toffrilu kuntratt permanenti.
4.
Ir-raba’ motiv jallega użu ħażin ta’ poter tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent.
—
Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent ma humiex raġonevolment iġġustifikati u jikkostitwixxu użu ħażin tal-poter li jiġġustifika talba għad-danni.
5.
Il-ħames motiv jallega telf ta’ opportunità li jiġi rreklutat.
—
Ir-rikorrent inżamm fl-għama fir-rigward tal-possibbiltà ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Huwa qatt ma rċieva deċiżjoni adegwata mill-Awtorità tal-Ħatra u ma setax jorganizza t-tluq tiegħu u pereżempju jitlob impjieg mill-ġdid jew iressaq applikazzjoni għal pożizzjoni oħra.
Full & Egal Universal Law Academy