27.11.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/41
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2017 – Balti Gaas vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-596/17)
(2017/C 402/55)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Balti Gaas OÜ (Tallinn, l-Estonja) (rappreżentanti: E. Tamm u L. Naaber-Kivisoo, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tgħaqqad din il-kawża mal-Kawża T-236/17;
—
tiddikjara, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni billi ma adottatx deċiżjoni motivata dwar it-talba tagħha għal finanzjament u tordna lill-Kummissjoni sabiex tagħmel evalwazzjoni ddettaljata tal-applikazzjoni tagħha għal finanzjament, sabiex tadotta deċiżjoni motivata u sabiex tikkomunika din id-deċiżjoni lir-rikorrenti;
—
sussidjarjament, f’każ li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kundizzjonijiet għal nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni ma humiex issodisfatti, tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2017, dwar l-għażla u l-għoti ta’ għajnuna għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għal proġetti ta’ interess komuni taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea [C (2017) 1593 finali]; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2017 dwar l-għażla u l-għoti ta’ għajnuna għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għal proġetti ta’ interess komuni taħt il-Faċilità Nikkollegaw L-Ewropa fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea [C (2017) 1593 finali] tirreferi biss għall-applikanti li jiksbu finanzjament, filwaqt li l-Kummissjoni naqset milli tadotta deċiżjoni motivata dwar it-talba tar-rikorrenti għal finanzjament.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret rekwiżit formali essenzjali, li naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-INEA (Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks)/Il-Kummissjoni eċċediet il-poteri tagħha. INEA vs Il-Kummissjoni rrifjutat il-finanzjament għar-raġuni li t-terminal Paldiski LPG ma għadux meħtieġ għas-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. Ir-rikorrenti tikkunsidra li din l-istqarrija għandha l-effett li temenda sostanzjalment il-lista ta’ PIK (proġetti ta’ interess komuni) tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 u r-Regolament (UE) Nru 2016/89. Tali emenda teħtieġ l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ regolament ta’ u ma tistax issir permezz ta’ ittra mibgħuta lir-rikorrenti.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li INEA/Il-Kummissjoni kisret rekwiżiti formali essenzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata: INEA/l-Kummissjoni naqset milli tagħti raġunijiet suffiċjenti għall-fatt li r-rikorrenti ma kisbitx mill-inqas 3 punti f’kull kategorija u r-raġunijiet ta’ INEA/l-Kummissjoni kienu bbażati fuq nuqqas ta’ fehim żbaljat tal-fatti.
Full & Egal Universal Law Academy