23.10.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 357/30
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2017 – ICL IP Terneuzen u ICL Europe Coöperatief vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-610/17)
(2017/C 357/39)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ICL-IP Terneuzen, BV (Terneuzen, il-Pajjiżi l-Baxxi) u ICL Europe Coöperatief UA (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: R. Cana u E. Mullier, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/999, tat-13 ta’ Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 150, p. 7) safejn dan jinkludi n-n-propil bromur fl-Anness XIV tar-Regolament REACH;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż;
—
tadotta kull miżura oħra li tkun meħtieġa skont il-liġi.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatti kollha rilevanti u billi kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma eżaminatx b’mod akkurat u imparzjali l-informazzjoni rilevanti li ġiet ippreżentata quddiemha mir-rikorrenti li juru li s-sustanza ma tissodisfax il-kriterji sabiex titqies bħala prijoritarja u tiġi inkluża fl-Anness XIV tar-Regolament REACH. Skont ir-rikorrenti, li kieku l-Kummissjoni Ewropea ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni, il-punteġġ riċevut mis-sustanza kienet tkun inferjuri jew simili għall-punteġġ ta’ sustanzi oħra li ma ġewx meqjusa bħala prijoritarji fl-istess eżerċizzju ta’ stabbiliment ta’ prijoritajiet u s-sustanza ma kinitx tiġi inkluża bir-regolament ikkontestat fl-Anness XIV tar-Regolament REACH.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 55 tar-Regolament REACH u jmur kontra l-għan tal-kompetittività tal-imsemmi regolament kif ukoll jinterferixxi mad-dritt li jsir negozju.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat imur kontra l-għanijiet tal-kompetittività tar-Regolament REACH u b’mod partikolari kontra t-Titolu VII dwar l-awtorizzazzjoni u b’hekk jaffettwa s-sitwazzjoni kompetittiva tar-rikorrenti u jostakola d-dritt li jsir negozju ta’ dawn tal-aħħar billi jqis bħala prijoritarja s-sustanza minkejja l-eżistenza ta’ informazzjoni li turi li s-sustanza ma tissodisfax il-kriterji sabiex titqies prijoritarja u sabiex tiġi inkluża fl-Anness XIV.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni Ewropea kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma esponietx ir-raġunijiet ta’ “raggruppament” tas-sustanza mat-trikloroetilene minkejja l-fatt li l-Aġenzija Ewropea tal-prodotti kimiċi rrikonoxxiet espressament (Linji gwida dwar l-istabbiliment ta’ prijoritajiet) li fil-każ li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħar-“raggruppament” li ma jkunux jifformaw parti mill-kriterji formali tal-Artikolu 58(3), ir-raġunijiet tal-istabbiliment tal-prijorità għandhom jiġu espressi b’mod ċar u b’mod konformi mar-rwol u mal-għan tal-istadju ta’ rakkomandazzjoni tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li r-regolament ikkontestat jikser l-aspettativi leġittimi tar-rikorrenti.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat tikser l-aspettativi leġittimi tagħhom safejn dan ir-regolament ma josservax il-linji gwida għall-istabbiliment tal-prijoritajiet. Ir-rikorrenti jiddikjaraw speċifikament li l-istabbiliment tal-prijoritajiet u l-inklużjoni tan-n-propil bromur fl-Anness XIV kisru l-aspettativi leġittimi tagħhom safejn il-kriterju tal-volum u l-kunsiderazzjonijiet ta’ raggruppament jiġu applikati kif huma stabbiliti fil-linji gwida dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet u l-linji gwida dwar l-approċċ ġenerali.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni Ewropea kellha tikkunsidra li kien opportun li tiġi sospiża l-inkużjoni tan-n-propil bromur fl-Anness XIV tar-Regolament ikkontestat u li din kienet tkun miżura inqas iebsa peress li r-rikorrenti ma kienx ikollhom iġarrbu immedjatament il-konsegwenzi tal-inklużjoni fl-Anness XIV iżda biss meta n-n-propil bromur ikun ġie inkluż korrettement fl-Anness XIV fid-dawl ta’ prijorità relattiva reali għolja.
6.
Is-sitt huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni billi jittratta s-sustanza b’mod differenti minn sustanzi oħra – billi jinkludiha fl-Anness XIV tar-Regolament REACH – fosthom l-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb. Skont ir-rikorrenti, iż-żewġ sustanzi jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli: it-tnejn li huma huma meqjusa bħala li jifformaw parti mill-istess eżerċizzju għall-istabbiliment tal-prijoritajiet, it-tnejn li huma rċevew (jew kellhom jirċievu) punteġġ totali ta’ prijorità ta’ 17, u fiż-żewġ każijiet l-evalwazzjoni tagħhom ta’ prijorità kienet timplika kunsiderazzjonijiet ta’ raggruppament. Madankollu, skont ir-rikorrenti, dawn ġew itrattati b’mod differenti mill-ECHA u mill-Kummissjoni Ewropea peress li s-sustanza ġiet irrakkomandata u iktar tard inkluża fl-Anness XIV filwaqt li l-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb ma ġiex irrakkomandat għall-inklużjoni u għaldaqstant ma ġiex inkluż fl-Anness XIV.